“F’5 snin Gvern Nazzjonalista għamel 13-il ftehim maċ-Ċina”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li f’ħames snin Gvern Nazzjonalista għamel 13-il ftehim bilaterali mal-Gvern Ċiniż.
Fil-laqgħa tiegħu mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista Ċiniż Guo Jinglong, il-Kap Nazzjonalista sostna li dan hu l-mod kif għandhom jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Żied jgħid li jemmen li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom jiżviluppaw fil-kuntest ta’ Malta bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. 
Simon Busuttil saħaq li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina għandhom ikunu mibnija fuq il-fiduċja u t-trasparenza.
Min-naħa tiegħu, Jinlong tkellem dwar kif żviluppaw ir-relazzjonijiet ma’ Malta tul is-snin. Saħaq fuq l-importanza tat-13-il ftehim bilateri li l-Gvern Malta ffirma fl-aħħar snin.
Jinglong qal ukoll li l-poplu Ċiniż japprezza l-għajnuna li l-Gvern Malti  kien ta lil madwar 5,000 Ċiniż fil-perjodu tar-rivoluzzjoni fil-pajjiżi Għarab.