“87,000 barrani krew għall-ewwel darba f’4 snin; 80,000 iktar sentejn oħra”

Fl-aħħar 4 snin kien hawn madwar 87 elf barrani f’Malta li kera għall-ewwel darba, u hemm iċ-ċans li f’sentejn oħra jkun hawn 80 elf barrani ieħor f’Malta.
Dawn iċ-ċifri qalhom Simon Debono, li huwa s-sid ta’ kupanija ta’ aġenti tal-proprjetajiet, kif ukoll Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà, waqt il-programm Newsline fuq RTK, immexxi minn Fr Joe Borg u Manwel Delia.
Mistieden fil-programm ma’ Debono kien hemm Andrè Callus mill-Moviment Graffitti, u flimkien kienu qed jisskutu s-suġġett tal-kera f’Malta.
Debono qal li jekk fil-pajjiż se ddaħħal dan l-ammont ta’ barranin f’4 snin, jekk minimament ma tipprovdix 50 elf akkomodazzjoni, mela minn ewl id-dinja li l-prezz se jisplodi, għax skontu, kollox jimxi skont il-provvista u d-domanda.
Ma’ dan żied jgħid li skontu allura huwa obbligu tal-Gvern li jieħu ħsieb li jipprovdi dawn l-appartamenti. Meta dan ma jsirx ikun hemm gwerra ta’ prezzijiet.
Bħala eżempju semma kif sa 5 snin ilu, bħala aġent kellu appartamenti b’€150 fix-xahar, iżda llum anki fiċ-ċentru ta’ Malta l-prezzijiet splodew għal €800 kull xahar.
“Jekk il-problema hi s-suq, ma nistgħux ngħidu li s-soluzzjoni hi s-suq” – Graffitti
Hawnhekk intervjena Andrà Callus mill-Graffitti, li deherlu li Debono qed jinsinwa li la l-problema nħolqot min-natura libera tas-suq, mela trid tissolva bl-istess mod.
Qal li ma jaqbilx ma’ dan ir-raġunament, u qal li jekk il-problema kienet is-suq, mela ma nistgħux nitkellmu daqslikieku s-soluzzjoni hi s-suq.
Enfasizza l-ħtieġa li jkun hawn regolamentazzjoni mill-Gvern, u fakkar li kważi kullimkien fl-Unjoni Ewropea s-suq tal-kera huwa rregolarizzat.
Il-ġimgħa l-oħra koalizzjoni ta’ 17-il entità, fosthom il-Graffitti, ressqu għadd ta’ proposti dwar is-suq tal-kera, ewlenija fosthom li jkun hemm entità tal-Gvern li tirregola l-kirjiet.
Callus ma qabilx ma’ Debono li s-soluzzjoni hi li jiżdiedu l-akkomodazzjonijiet, u sostna li f’Malta ma nistgħux nibqgħu nibnu, bir-riskju li lanqas nibdew naraw ix-xemx.
Skont Callus, l-indħil tal-Gvern fis-suq tal-kera mhux se jfisser li min qed jikri l-post tiegħu lin-nies se jitnaqqrulu xi drittijiet, iżda rrimarka li min ma jridx li s-suq ikun irregolarizzat qed jagħmel hekk għax komdu, fi kliemu, jitħanżer minn fuq din il-qagħda.
Dwar is-suġġett tkellem dalgħodu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, li qal li fil-White Paper li l-Gvern qed jiffinalizza, irid jinstab bilanċ bejn il-kerrej u l-kirjant, iżda sostna li s-sitwazzjoni bħalissa mhix waħda pjaċevoli.