F’10 xhur jinkitbu 10,331 donatur tal-organi

F’10 xhur mindu twaqqaf, ir-reġistru għad-donazzjonijiet tal-organi ra 10,331 persuna tinkiteb fih.
Preżentament hawn 110 persuni li qed jistennew trapjant tal-organi, u dis-sena diġà saru 30 trapjant.
Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabar dawn iċ-ċifri meta grupp ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) mar biex jinkiteb bġala donatur.
Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, li qal li jinsab sodisfatt li madwar mitt membru tal-FAM irreġistraw ix-xewqa tagħhom li jkunu donaturi tal-organi u permezz ta’ dan il-ġest nobbli se jkunu qed isalvaw ħajja ta’ bniedem.
Għall-attività kien hemm ukoll Christine Grixti, mara li sena u erba’ xhur ilu ngħatat qalb ġdida, li tkellmet dwar kif qed tgħix mill-ġdid b’qalb ta’ donatur.
Ir-reġistru għad-donazzjonijiet tal-organi tnieda f’Diċembru tas-sena li għaddiet wara li għall-ewwel darba għaddiet il-liġi li tirregola d-donazzjonijiet tal-organi.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill