Skema għall-kunsilli lokali li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku

Aktar kmieni din is-sena s-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Silvio Parnis kien  ħabbar skema għall-kunsilli lokali li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku u l-isports. L-għan ta’ din l-iskema hi li ċ-ċittadini jkunu mħeġġa jagħmlu eżerċizzju fiżiku permezz ta’ diversi programmi speċifiċi, sports u attivitajiet oħra. Dawn jgħinu biex titjieb is-saħħa fiżika u mentali u anke l-benessere taċ-ċittadini. Il-kumitati reġjonali u l-kunsilli lokali kollha kienu eliġibbli li japplikaw għal fondi permezz ta’ din l-iskema. Il-fond totali allokat kien dak ta’ €98,521 u minn din l-iskema bbenefikaw 40 kunsill lokali u l-kumitat reġjonali tax-Xlokk.

Is-Segretarju Parlamentari żar il-Kunsill Lokali tal-Marsa biex jara waħda mill-klassijiet. Parnis qal li dawn l-attivitajiet huma kruċjali ġħall-komunitajiet għax l-eżerċizzju jtejjeb is-saħħa u jnaqqas ir-riskju ta’ diversi mard. Hu qal ukoll li l-attivitajiet sportivi u fiżiċi ngħataw prijorità anke fir-riforma li qed issir fil-gvern lokali. Barra minn dan f’kull kunsill lokali issa hemm kunsillier responsabbli għall-isports u l-attivitajiet fiżiċi.