Eżenzjoni mit-taxxa lill-mexxejja reliġjużi dikjarata anti-kostituzzjonali

Imħallef federali f’Wisconsin, l-Istati Uniti iddeċieda li liġi li tagħti lill-membri tal-kleru ‘allowances’ fuq djarhom li fuqhom ma jħallsux taxxi, hi anti kostituzzjonali.  Din id-deċiżjoni jista’ jkollha effetti serji għall-mexxejja reliġjużi li issa se jkunu suġġetti għal taxxi li jistgħu jheddu l-ministeru tagħhom.
Skont liġi tal-1954 ‘ministru tal-evanġelju’ ma jħallasx taxxa fuq kumpens li jitqies bħala ‘housing allowance’. Iżda fondazzjoni imsejjħa “Freedom from Religion” argumentat fil-Qorti li din il-liġi tiddiskrimina kontra impjegati sekulari.
Dan il-benefiċċju kien jiffranka lill-kleru, inkluż dawk mhux insara madwar $800 miljun fis-sena f’taxxi.
Dan il-provvediment fiskali kien jassigura li mexxejja reliġjużi jingħataw l-istess trattament bħal impjegati li jgħixu f’komunitajiet bħalma huma l-Armata, għalliema u persuni li jaħdmu barra l-pajjiż. Il-mexxejja reliġjużi li jaħdmu f’partijiet foqra tal-Amerika, jekk jitneħħielhom dan il-benefiċċju jistgħu jkunu sfurzati imorru jaħdmu f’postijiet oħra u xi knejjes ikollhom jagħlqu.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Barbara Crabb qalet li dan ma jfissirx li l-membri tal-kleru ma jixirqilhomx din l-eżenzjoni fiskali jew ma għandhomx bżonnha. Il-punt importanti li stabbiliet is-sentenza hu li hemm ħafna impjegati sekulari li jixirqilhom li jgawdu minn din l-eżenzjoni u mhux ġustifikat li dawn ikunu tratti b’mod differenti mill-qassisin.
Iżda kumpannija ta’ avukati nsara sostniet li s-sistema federali tat-taxxa tad-dħul fl-Istati Uniti, irrikonoxxiet li xi spejjeż relatati mal-housing ħafna drabi jsiru għall-konvenjenza ta’ min iħaddem u mhux biex jintużaw mill-impjegati personalment u allura ma humiex taxxabbli. Din id-dutrina tinstab f’diversi provvediment tat-taxxa.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan ma riedx jikkummenta dwar din id-deċiżjoni. Filwaqt li l-liġi kienet dikjarata anti-kostituzzjonali, l-Imħallef ma tat ebda provvediment biex titwaqqaf din l-eżenzjoni u tat sal-aħħar ta’ dan ix-xahar żmien biex il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar x’rimedji għandu jkun hemm.