Aġġornata: Plejer eżentat mill-piena wara li kkollabora mal-Pulizija

Il-plejer Seyble Zammit ġie eżentat mill-piena minħabba li kkollabora mal-Pulizija.
Il-Maġistrat Saviour Demicoli sabu ħati li pprova jirranġa r-riżultat ta’ logħba tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, bejn Malta u Montenegro.
Il-logħba li ntlagħbet fit-23 ta’ Marzu kienet mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA.
Huwa ammetta li persuna avviċinatu u offritlu s-somma bejn €5,000 u €6,000 sabiex jkellem xi plejers biex jirranġaw ir-riżultat tal-logħba.
Fix-xiehda l-Prosekuzzjoni qalet li Zammit stqarr li l-plejers ma aċċettawx li jixxaħħmu.
Reazzjoni Malta Football Association (MFA):
F’reazzjoni l-MFA qalet li peress li l-partiti in-kwistjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UEFA, il-MFA qiegħda f’kuntatt kontinwu mas-servizzi dixxiplinarji tal-istess UEFA, li tinsab infurmata bl-iżviluppi kollha relatati mal-każ.
Temmet tgħid li filwaqt li tinnota li l-investigazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta għadha qed tiżviluppa, tavża li biex ma ttellifx l-investigazzjonijiet, il-proċess tal-ġustizzja sportiva se jinfetaħ mal-konklużjoni tal-proċess ġudizzjarju.