Eżamijiet b’xejn imma l-applikanti jonqsu b’792

L-eżamijiet tal-O-Levels (SEC) u l-A-Levels (MATSEC) se jsiru b’xejn fejn il-familji se jkunu qed jiffrankaw l-ispejjeż ta’ madwar €200 ta’ kull wild. Intant bejn l-2018 u l-2018, l-applikanti għalihom naqsu b’792 persuna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-sena li għaddiet bdiet l-iskema billi naqsu min-nofs il-prezzijiet tal-miżati tal-eżamijiet. Din is-sena l-eżamijiet se jkunu qed isiru kompletament b’xejn, bi spiża tal-Gvern ta’ madwar €1.5 miljun.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li l-edukazzjoni hija esperjenza importanti ħafna għal kulħadd u l-eżamijiet huma biss parti minnha. Spjega li l-eżamijiet iridu jsiru parti mill-ħajja edukattiva tal-istudenti u trid titneħħa l-ħafna biża’, ansjetà u problemi oħrajn li jġibu magħhom.

L-applikanti jonqsu b’792 mill-2018

Skont informazzjoni pprovduta lill-ġurnalisti mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartollo, l-applikanti għall-eżamijiet tal-O-Levels u l-A-Levels flimkien naqsu b’total ta’ 792 persuna bejn l-2018 u l-2019. Propju din is-sena hemm 5,397 student li se jkunu qed jagħmlu l-O-Levels, filwaqt li 3,857 se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet taċ-Ċertifikat tal-Matrikola.

Ikkumparat mal-2018, b’kollox kien hemm 5,145 kandidat li rreġistraw għall-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ewlenija. Fosthom kien hemm 3,805 li kienu t-tfal imwielda fl-2002, u li jammontaw għal 90.3% tat-tfal imwielda f’dik is-sena. Intant, fl-2018 kien hemm 4,901 applikanti, b’543 tar-reġistranti jkunu fl-età ta’ 17-il sena.

Dan ifisser li filwaqt li n-numru ta’ persuni li se jagħmlu l-eżamijiet tal-O-Levels fl-2019 żdiedu b’252 applikant. Min-naħa l-oħra, dawk li se jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC naqsu b’ammont konsiderevoli hekk kif fl-2019 applikaw 1,044 student inqas mill-2018.

“Miżura b’viżjoni fjakka” – Justin Schembri

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, Justin Schembri qal fuq Facebook li jemmen li din kienet miżura b’viżjoni fjakka. Tenna li din hija miżura populista li mhux se ġġib aktar kandidati fl-eżamijiet u lanqas riżultati aħjar.

Fl-opinjoni tiegħu, għandhom jingħataw il-flus lura għall-eżamijiet dawk li jiksbu marka minn 1 sa 5, flimkien ma’ għotjiet monetarji maħruġa fuq isem l-istudenti f’każ li jkunu kisbu aktae minn ħames jew seba’ O-Levels. Tenna li s’issa mijiet ta’ studenti jersqu lejn l-eżamijiet għas-sempliċi raġuni li huma bla ħlas u mingħajr ma jkunu preparaw lilhom infushom. Għaldaqstant, insista li dan huwa tberbiq ta’ flus u ta’ riżorsi umani, li qal huma limitati fis-settur tal-edukazzjoni.