Eżami tal-kuxjenza mill-ġurnalisti – Bartolo

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo stieden lill-mezzi tax-xandir  jagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar l-operat tagħhom fid-dawl tal-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li juri li l-ġurnaliżmu Malti ma jgawdix il-fiduċja tal-pubbliku.
Il-Ministru Bartolo kien qed jitkellem waqt id-diskussjoni fit-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar il-midja u l-malafama. Huwa qal li skont l-istħarriġ li sar f’April ta’ din is-sena, 26 fil-mija biss tal-poplu Malti għandhom fiduċja fil-mezzi ta’ kommunikazzjoni f’pajjżna. Fi kliemu, dan ipoġġi lil Malta fil-livelli tal-Korea u l-Greċja, li skont Reuters Internationals, il-midja ta’ dawn il-pajjiżi biss igawdu inqas appoġġ fost il-popolazzjoni tagħhom.
Huwa qal li dan hu abbozz ta’ liġi li jsaħħaħ idejn il-ġurnalisti għax jinkludi t-tneħħija tal-mandat sekwestru u l-libell kriminali kif ukoll jestendi l-protezzjoni tas-sors. Madanakollu, dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex il-midja Maltija terġa’ tikseb l-fiduċja tan-nies.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern Laburista ħoloq sistema ta’ ‘Trolls’ jiġifieri persuni quddiem kompjuter biex joħolqu numru ta’ accounts fil-midja soċjali bl-għan li jxandru propoganda politika favur il-gvern.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni ddikjara li l-Oppożizzjoni kienet se tappoġġja l-abbozz ta’ liġi dwar il-midja u l-malafama hekk kif ġiet emendat.
Id-deputat Nazzjonalist Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni kienet tirrevedi l-pożizzjoni tagħha wara l-emendi li saru fl-abbozz oriġinali.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ż-żewġ naħat tal-kamra resqu qrib ukoll fil-pożizzjoni tagħhom dwar l-iskrutinju ta’ persuni maħtura fl-amministrazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi.
Dr Muscat qal li din il-liġi trid titpoġġa fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma mill-gvern biex isaħħaħ l-kolonji tad-demokrazija.
Huwa qal li din hija rivoluzzjoni siekta għax politiċi qed jaqblu li jilleġiżlaw liġi li ddgħajjef idejhom u fl-istess ħin issaħħaħ idejn is-soċjetà għax l-ebda politiku m’għandu ċens perpetwu fuq il- pożizzjoni li jokkupa.
Min-naħa tiegħu d-deputat nazzjonalista Ryan Callus qal li din il-liġi tikkuntrasta mal-attitudni tal-gvern preżenti li ċaħad 40 fil-mija tat-talbiet li sarulu permezz tal-att tal-liberta’ tal-informazzjoni.
Id-deputat nazzjonalista Karol Aquilina qal li hu jaħseb li d-dritt tal-eredi f’każ ta’ malafama biex jiddefendu l-memorja tal-għeżiez tagħhom ma għandux ikun limitat biss għal għaxar snin wara l-mewt tagħhom.
Id-deputat laburista Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni mhix liċenzja biex tħammeġ lil ħaddieħor. Huwa qal li din il-liġi qed tipprova toħloq bilanċ bejn il-libertà tal-ġurnalisti u d-dritt taċ-ċittadini li jgawdu l-libertà tagħhom.