Eżami tal-ġinekoloġija se jibda jsir f’Malta

Minn Ġunju li ġej eżamijiet prestiġġjużi tar-Royal College of Obstetricians and Gynaecologists se jibdew fl-Isptar Mater Dei.

Dan tħabbar fi stqarrija tal-Minsiteru għas-Saħħa wara li delegazzjoni mir-Royal College of Obstetricians and Gynaecologists (UK) żaru Malta għal taħditiet, fejn ltaqgħu wkoll mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Dawn l-eżamijiet speċjalizzati huma mmirati għal tobba biex jispeċjalizzaw fil-ġinekoloġija.

Il-Gvern qal li b’dawn l-eżamijiet li se jibdew isiru f’Malta, l-Isptar Mater Dei qed ikompli jsir ċentru ta’ eċċellenza medika. Qal ukoll li dan se jkun ta’ benefiċċju għal tobba Maltin li jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet f’pajjiżhom stess.