EY Malta u l-Bank APS b’seminar dwar in-Negozju tal-Familja

Organizzat minn EY Malta u l-Bank APS, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, "Bearing fruit: family business across generations" kien seminar li ġabar flimkien uħud mill-akbar Negozji tal-Familji fuq il-gżira.
Il-lista ta' kelliema nkludiet lil Prof. Paolo Morosetti, id-Direttur tal-Management Strateġiku u Intraprenditorjali mill-Università ta' Bocconi (Milan), Dr Nadine Sant, Konsulent Legali fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, u Dr Robert Attard, Tax Partner minn EY Malta.
Is-seminar ta ħarsa ġenerali lejn il-kunċett ta' Negozju tal-Familja – mill-ippjanar, għax-shareholding, għall-kunsiderazzjonijiet dwar it-tassazzjoni, għal mudelli differenti tan-negozju u anke spjega dettaljata tal-Abbozz tal-Att dwar in-Negozji tal-Familja, li se jkun ippreżentat fil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin. Anke s-sessjoni ta' ‘Mistoqsijiet u Tweġibiet’ qanqlet suġġetti interessenti dwar dan l-Att, fosthom ossevazzjonijiet u pariri.
Ronald Attard, il-Country Managing Partner ta' EY Malta qal li "fl-EY aħna kburin li norganizzaw dawn it-tip ta' attivitajiet informattivi. Bħala parteċipi ewlenin fl-industrija tal-Konsulenza, inħossu li hi responsabbiltà tagħna li nagħmlu l-informazzjoni aktar aċċessibbli possibbli għall-klijenti tagħna u l-komunitajiet rispettivi tagħhom. Fid-dinja tal-lum, il-futur isir il-preżent b'pass mgħaġġel ħafna aktar minn qatt qabel. Aħna tal-EY ninsabu ħerqana li nwieġbu għal dawn l-isfidi eċċitanti li din ir-realtà ġdida ġġib magħha".
Noel McCarthy, il-Kap tal-Corporate Strategy and Finance tal-Bank APS enfasizza l-importanza li l-Bank APS jagħti lin-Negozji tal-Familji. Qal li jekk negozju tal-familja jwaqqaf l-operat tiegħu, l-effetti anċillari jibqgħu jinħassu fil-komunità kollha u għalhekk "il-problemi tagħhom huma tagħna wkoll".
 McCarthy rrefera għall-pubblikazzjoni "The Maltese Family Business: Getting Organised", ippubblikata mill-Bank APS aktar kmieni din is-sena, li fiha diversi esperti taw ħarsa lejn l-istruttura tan-negozji tal-familja u suġġetti relatati bħall-ippjanar tat-tranżizzjoni, trusts, tibdil fit-tmexxija u ppjanar finanzjarju.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.