Express Trailers twassal xogħlijiet ta’ artisti Maltin f’Saint-Tropez

Wara li aktar kmieni din is-sena għenet fit-trasport ta’ xogħlijiet artistiċi ta’ tnax-il artist Franċiż mill-Association des Peintres et Sculpteurs de Saint-Tropez għal wirja fil-Mużew Marittimu fil-Birgu, Express Trailers issa se tkun qed twassal ix-xogħlijiet artistiċi ta’ tlett artisti Maltin li se jieħdu sehem f’wirja kollettiva f’Saint-Tropez.
L-għaqda ta’ l-artisti Franċiżi fil-fatt irreċiprokat is-suċċess tal-wirja f’Malta billi stiednet lill-fotografu Kurt Arrigo u lill-artisti Caroline Navarro u James Vella Clark sabiex jieħdu sehem bħala l-mistiedna speċjali waqt l-14-il edizzjoni tal-wirja kollettiva Salon des Peintres et Sculpteurs de Saint-Tropez.
It-tlett artisti ntagħżlu minħabba li x-xogħol tagħhom juri l-istess affinità mal-Mediterran u minħabba l-fatt li x-xogħlijiet jitqiesu li jirriflettu ħafna l-elementi tal-baħar u l-ambjenti portwarji fil-Birgu u f’Saint-Tropez.
Fl-2012, l-Ambaxxata ta’ Malta fi Franza u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kienu strumentali biex ġie ffirmat ġemellaġġ bejn il-port ta' Saint-Tropez u dak tal-Belt Vittoriosa. Dan il-ġemellaġġ intlaħaq b’riżultat tar-relazzjonijiet mill-aħjar bejn l-organiżżaturi tar-regatta klassika Trophée Bailli de Suffren, il-Kunsill ta’ Saint-Tropez u l-Kunsill Lokali tal-Belt Vittoriosa.
Fl-2013, il-Kunsill ta’ Saint-Tropez u l-Ambaxxata ta’ Malta fi Franza organiżżaw 'Année de Malte' f’Saint-Tropez, programm kulturali ta’ sena sħiħa ta’ attivitajiet.
F’Saint-Tropez, it-tlett artisti Maltin se jkunu l-mistiedna speċjali waqt il-wirja kollettiva li se tittella’ ġewwa Salle Jean Despas f’Place des Lices fejn se jkollhom sezzjoni dedikata għax-xogħlijiet tagħhom – ħames biċċiet kull wieħed. L-inawgurazzjoni tal-wirja se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju 2015 u l-wirja tibqa’ miftuħa għall-pubbliku għal ġimgħatejn sħaħ.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.