​Expo 2015: Malta se tkun fil-padiljun tal-Mediterran

Malta se tieħu sehem fl-Expo 2015 ta’ Milan u se jkollha padiljun ma’ grupp ta’ 10 pajjiżi oħra msejħa “Bio Mediterran”.
Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona spjega dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.
Qal li għall-ewwel darba, l-organizzaturi ħarġu bl-idea ta’ gruppi tematiċi marbuta mat-tema ġenerali.
Spjega li l-bini tal-padiljuni fil-grupp “Bio Mediterran” hu avvanzat u dawn se jingħataw lill-parteċipanti fl-1 ta’ Frar.
Spjega li Malta ħarġet sejħa pubblika għax-xogħol ta’ disinn u xogħol ieħor u ntagħżel il-kuntrattur li bħalissa qed iħejji s-sett li għandu jintrama fil-post meta l-padiljun jingħata lil Malta. Qed isiru wkoll l-arranġamenti għall-produzzjoni ta’ filmati qosra biex jintwerew fil-padiljun.
Fisser kif se jibda wkoll proċess ta’ sejħa għal ħaddiema li jkunu fuq il-padiljun matul is-sitt xhur tal-Expo.
Qal li Malta se tkun rappreżentata wkoll fil-padiljun tal-pajjiżi tal-UE waqt li s-sena li għaddiet inħatar Kummissarju Ġenerali apposta li hu inkarigat mis-sehem ta’ Malta fl-Expo.
Chris Cardona spjega li matul din is-sena se jsiru għadd ta’ attivitajiet biex jippromwovu lil Malta għal skop ta’ negozju.