Eks-Viċi Prim Ministru Salvadorjan se jgħaddi ġuri fi Spanja dwar qtil ta’ patrijiet Ġiżwiti

Inocente Orlando Montano, li kien Viċi Ministru tad-Difiża u s-Sigurtà Pubblika ta’ El Salvador, li kien ukoll Kurunell fl-Armata ta’ pajjiżu, il-ġimgħa li għaddiet ingħata f’idejn l-awtoritajiet Spanjoli wara battalja legali ta’ disa’ snin biex ikun akkużat bi qtil terroristiku ta’ numru ta’ patrijiet Ġiżwiti li kien seħħ f’El Salvador fl-1989.
Montano kien qed jgħix fl-Istati Uniti u għamel battalja legali twila biex ma jintbagħatx fi Spanja. Hu wasal f’Madrid fid-29 ta’ Novembru u l-għada deher quddiem il-Qorti Nazzjonali Spanjola li fl-2009 ħarġitlu akkuża ta’ qtil u terroriżmu ta’ sitt patrijiet Ġiżwiti (ħamsa minnhom Spanjoli) flimkien mal-purtinara tal-kunvent u bintha ta’ 15-il sena li kien seħħ fl-Università Ċentrali Amerikana f’El Salvador.
L-Avukat Almudena Baernabeu li bdiet il-kawża quddiem il-Qorti Spanjola għan-nom tal-qraba tal-vittmi kienet preżenti fil-Qorti nhar l-Erbgħa li għaddiet u qalet li dan il-ġuri se “joffri opportunità biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja u titwaqqaf l-impunità li teżisti f’El Salvador.  Il-poplu ta’ dak il-pajjiż qed jistenna li ssir ġustizzja”.
Minkejja li hemm 20 mandat internazzjonali biex l-awtoritajiet ta’ El Salvador jibagħtu lis-suspettati biex ikunu pproċessati fi Spanja, l-awtoritajiet tal-pajjiż ċaħdu dawn it-talbiet. 
Iżda Montano kien qed jgħix fl-Istati Uniti fejn kien daħal b’dokumenti foloz fl-2002 u fi Frar tal-2016 il-Qrati Amerikani bdew jisimgħu t-talba għall-estradizzjoni tiegħu lejn Spanja li kienet ikkonfermata mill-Qorti Suprema fil-bidu ta’ Novembru.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Amerikana sabet li Montano kien responsabbli li kien jhedded lill-patrijiet Ġiżwiti u lejlet il-massakru kien ħa sehem f’laqgħa fejn ingħatat l-ordni biex il-patrijiet jinqatlu u kien hu stess li ta l-indirizz tar-Rettur tal-Universita Fr. Igancio Ellacuria.  Dak iż-żmien dan il-patri kien in-negozjatur ewlieni fit-taħditiet ta’ paċi bejn il-Gvern Salvadorjan  u l-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni tal-pajjiż.
L-estradizzjoni ta’ Montano wasslet biex f’El Salvador qed isiru sforzi ġodda biex jittieħdu  passi kontra l-persuni l-oħra li kienu responsabbli għal dan il-massakru. 
Infatti l-awtoritajiet tal-Università Ċentrali Amerikana talbu lill-Qorti biex terġa’ tiftaħ il-każ, fosthom kontra l-eks-President tal-pajjiż Alfredo Cristiani.