“Evitaw preġudizzji razzisti, agħdru” – L-Arċisqof lill-AFM

Knisja.mt

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex bil-kliem ta’ bejniethom waqt ħidmiethom jevitaw preġudizzji partiġġjani u razzisti u minflok juru mogħdrija, tolleranza u solidarjetà, “biex il-fatti li tixhdu għalihom, ikunu mera għalina”.

Dan kien il-messaġġ imqanqal ta’ Mons. Scicluna lill-uffiċjali tal-armata li attendew għall-quddiesa li ċċelebra f’Jum il-Forzi Armati fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Filwaqt li fakkar li għal Ġesù l-liġi fundamentali hija l-imħabba, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-Forzi Armati biex ikomplu jagħtu xhieda ta’ din il-liġi “li tagħmilna nies” u li dan jistgħu jagħmluh billi jfasslu kollox fuq l-imħabba.

Irrikonoxxa l-ħidma iebsa tal-uffiċjali biex jassiguraw sigurtà tal-ibħra territorjali Maltin u s-servizz li jagħtu lill-bnedmin fiz-Zona Maltija ta’ Tiftix u Salvataġġ (SAR).

Mons. Scicluna rrimarka li huwa bid-dritt li nesiġu s-solidarjetà tal-pajjiżi Ewropej, “iżda l-garanzija tat-talba tagħna hija intom”.  L-Arċisqof fisser kif dan jistgħu jagħmluh billi jibqgħu jkunu xhieda tal-valuri li fuqhom mibnija r-Repubblika ta’ Malta, u meta jkun hemm sitwazzjoni ta’ periklu jkunu minn tal-ewwel li jxammru l-kmiem biex jgħinu.

Enfasizza li l-imħabba ma tħarisx lejn uċuh: “Aqdu mingħajr ma tħarsu lejn l-uċuh. Ħarsu lejn il-kuxjenza tagħkom”, żied jappella. Filwaqt li stqarr li hemm bżonn li “nobdu lill-awtoritajiet”, insista li “kontinwament għandna nifhmu li l-awtorità qiegħda hemm biex tesprimi u tagħżel it-tajjeb, u meta tagħti l-ordnijiet qalbha tkun tgħum fil-paċi”.  Saħaq li hemm bżonn garanzija li kull ordni tkun ġejja minn għażla ċara tat-tajjeb, “biex dak li ma nistgħux nagħmlu aħna biex ngħinu lil dawk fil-bżonn, se tagħmluh intom għalina”.

Il-President Vella spezzjona l-Gwardja tal-Unur

Il-President ta’ Malta George Vella f’din l-okkażjoni spezzjona l-Gwardja tal-Unur fi Pjazza San Ġwann fil-Belt Valletta. Wara huwa attenda għal quddiesa li kienet iċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof Charles Scicluna.