Evitaw it-“terroriżmu” taz-zekzik

Il-Papa Franġisku iqis li z-zekzik hi wieħed mill-agħar għedewwa tal-armonija, anzi jasal biex jiddeskrivih bħala forma oħra ta’ “terroriżmu”.
Fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu f’Bangladesh il-ġimgħa li għaddiet il-Papa ltaqa mal-komunita’ żgħir ta’ Kattoliċi li hemm fil-pajjiż u qal li wieħed ma jistgħax jippromwovi l-armonija inter-reliġjuża fil-pajjiż jekk il-komunitajiet ikun moħħhom fiz-zekzik, il-firda u l-mibegħda.
“Hemm ħafna għedewwa tal-armonija” qal il-Papa lis-saċerdoti, reliġjużi, seminaristi u isqfijiet li attendew għal din il-laqgħa. “L-akbar u l-aktar għadu komuni hu z-zekzik”. “Tistgħu tikkritikawni għax qed inkun ripetittiv imma għalija din hi importanti. Li titkellem  b’mod negattiv dwar xi ħadd minn wara dahru, joħloq nuqqas ta’ fiduċja. Din hi forma oħra ta’ terroriżmu għax teqred kollox”, insista l-Papa.
“Meta tiġikom it-tentazzjoni li tgħidu fuq ħaddieħor, igdmu lsienkom. Tista’ tweġġa’ lsienek imma ma tkunx qed tweġġa’ lil ħuk jew lil oħtok”, żied jgħid.
Il-Papa Franġisku fl-aħħar ġurnata tiegħu fil-Bangladesh żar tal-anzjani mmexxija mis-Sorijiet tal-Karita’ u kellem lill-pazjenti f’kull soda anke lil dawk l-anzjani u tfal morda serjament. Wara mar fi Knisja fejn iltaqa’ ma mijiet ta’ saċerdoti, relipjużi u seminaristi minn madwar il-pajjiż kollu.
Hawnhekk l-Isqof Moses Costa qal lill-Papa li l-Kattoliċi fil-pajjiż kienu jammontaw biss għal 1% tal-popolazzjoni li għandhom jaqduhom 372 saċerdot u 1250 reliġjużi. Għal ftit Kattoliċi dawn huma biżżejjed iżda fejn il-popolazzjoni immensa dan in-numru hu negliġibbli.
Il-Papa qal li l-ħaddiema fi ħdan il-Knisja għandhom dejjem jiftakru li l-vokazzjoni hi żerriegħa li m’hix tagħhom imma ta’ Alla u hu Alla li jgħinha tikber. Permezz tat-talb kulħadd hu msejjaħ biex isaqqi ż-żerriegħa u joqgħod attent li jagħtiha kulma għandha bżonn biex tikber. Jekk ma jkunx hemm din l-attenzjoni il-pjanta tibqa’ żgħir u tmut.
“F’dan il-ġnien tas-Saltna t’Alla, ma hemmx pjanta waħda li qed tikber, hemm eluf, ilkoll kemm aħna. Il-ħajja komunitarja m’hix faċli. Id-difetti umani, il-limitazzjonijiet tagħna, jheddu l-ħajja komunitarja u l-paċi.  Imma jekk fil-komunita’ kattolika ma jkunx hemm paċi, ma tistax tikkontribwixxi b’mod awtentiku biex tissaħħaħ l-armonija fost id-diversi reliġjonijiet preżenti fil-Bangladesh”, temm jgħid Papa Franġisku.