“Evitaw ħruġ mhux essenzjali” – l-appell tal-uffiċjali tas-sanità lill-pubbliku

Miguela Xuereb

Read in English.

L-uffiċjali tas-sanità qalu li l-infurzar huwa importanti, imma appellaw lill-pubbliku sabiex juru dixxiplina u jimxu mal-miżuri maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa.

F’appell fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali (MEHOA) kitbet li n-nies għandhom jevitaw ħruġ mhux essenzjali, jilbsu l-maskra, jaħslu jdejhom ta’ spiss, iżommu d-distanza u jekk iħossuhom ma jifilħux, ma jmorrux xogħol u jkellmu lil xi tabib jew tabiba.

Xogħol l-uffiċjali tas-sanità huwa li jagħmlu l-ispezzjonijiet sabiex jaraw li stabbilimenti u individwi qed jimxu mal-miżuri, inkluż persuni li suppost qegħdin kwarantina.

L-assoċjazzjoni osservat kif f’dawn l-aħħar jiem, donnhom li żdiedu l-każijiet li joħorġu minn attivitajiet soċjali, mill-festini familjari, u mill-iskejjel, saħansitra f’xi każijiet qabel ma reġgħu fetħu l-iskejjel. Semmiet kif nies li kienu kontra l-ftuħ tal-ajruport siefru malli fetaħ, u n-nies baqgħu joħorġu, anke saru xi parties bil-moħbi ġol-farmhouses. Kompliet tgħid li permezz ta’ aġir bħal dan, il-virus kompla jinxtered u daħal ġol-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani.

Il-miżuri mħabbrin nhar il-Ġimgħa
Filmat: Bars u każini se jagħlqu fil-11pm

Stqarret li dan mhux żmien li nwaħħlu f’xulxin, għax kulħadd żbalja, imma jeħtieġ li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jimxi mal-miżuri tal-awtoritajiet.

Bħala eżempju, l-assoċjazzjoni semmiet kif l-uffiċjali tas-sanità ilhom seba’ xhur jaħdmu bħala frontliners u ma kellhom l-ebda każ ta’ coronavirus fosthom, għax dejjem jimxu mal-miżuri u jżommu f’moħħhom is-sagrifiċċji li qegħdin jagħmlu għas-saħħa tal-pubbliku.

Qed tevita ħruġ mhux essenzjali?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt