#EverydayHeroes: Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni fejn kulħadd rebbieħ

Read in English.

Aħna ta’ Newsbook.com.mt nemmnu li dawk innominati għall-‘kompetizzjoni’ #Everydayheroes huma kollha rebbieħa, u aħna rebbieħa magħhom ukoll. Imma kellhom jintgħażlu tliet finalisti mill-100 nominat. Wieħed minnhom kellu jiġi ddikjarat rebbieħ. Aħna pruvajna nagħżlu persuni minn kategoriji differenti. 

WPC Melanie Penza, Zack Silvio ta’ tmien snin u Dr Andee Agius huma t-tliet finalisti, u minn dawn it-tlieta r-rebbieħa hija WPC Melanie Penza. Bħala rikonoxximent, dawn it-tliet finalisti se jingħataw bħala rigal, vawċer mill-AX Hotels. 

Dawk kollha nnominati huma ‘rebbieħa’ għax kollha għamlu l-almu tagħhom fl-oqsma tagħhom. Il-ġid komuni ma jsirx biss b’kontribuzzjonijiet straordinarji. Isir ukoll bi sfidi kbar u żgħar, li jsiru b’sens kbir ta’ servizz. Il-kontribut kollettiv ta’ dawk nominati, u ta’ mijiet oħra li ma ġewx nominati, għen lill-pajjiż f’kull stadju ta’ din il-pandemija. Għalhekk, fir-realtà dawn huma kollha rebbieħa f’qalbna.

Ir-rebbieħa

WPC Melanie Penza, ġiet innominata minn żewġ persuni differenti, u spikkat għax mhux biss għamlet xogħolha f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, imma fil-ħin liberu tagħha għażlet li tgħin lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom. Penza kienet qed tikkontrolla l-kwarantina fil-lukandi. Fin-nomina tagħha, Penza kienet imfaħħra talli wasslet ix-xirjiet lil dawk fil-bżonn kif ukoll għax bdiet tagħti l-maskri b’xejn. 

Il-finalisti

Fost it-tliet finalisti, Zack Silvio kien l-iżgħar. Dan it-tifel ta’ tmien snin baqa’ għaddej bix-xogħol tal-iskola waqt li kien jagħmel ukoll xogħol fid-dar fost l-oħrajn jieħu ħsieb il-qtates tal-familja mingħajr ma jilmenta. Zack m’għamilx xenati jew prova jiġbed l-attenzjoni lejh. Il-ġenituri tiegħu t-tnejn frontliners u hu ħass li kien dmiru.

Dr Andee Aguis iggradwat bħala qabla, ġabet il-Masters u baqgħet tistudja biex gradwat bħala tabiba. Hija rċeviet mijiet ta’ kummenti, uħud minn pazjenti tagħha li faħħruha għall-ħidma tagħha u għax għandha qalbha tajba.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn