Evarist Bartolo jsostni li l-pożizzjoni ta’ Joe Bannister mhux tenibbli

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kompla jsostni l-punt tiegħu li Joe Bannister ma jistax ikun iċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) għax il-pożizzjoni tiegħu m'għadhiex tenibbli.
F’kumment fuq Facebook Evarist Bartolo kiteb li "Joe Bannister ma jistax ikun iċ-Ċermen tal-MFSA u fl-istess ħin ikun Direttur ta' skemi ta' investimenti kollettivi fil-Cayman. Din mhix biss il-pożizzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) imma hi l-pożizzjoni tal-Kumitat tas-Superviżjoni Bankarja f'Basel (BCBS), li hu organizazzjoni ewlenija dwar l-istandards fuq is-superviżjoni bankarja wkoll". 
Tenna li l-prinċipji tal-BCBS jistabbilixxu li s-supervisor għandu jkollu indipendenza fl-operat, proċess trasparenti, governanzi soda u proċessi ta' baġit li ma jheddux l-awtonomija. 
Qal li l-prinċipji jgħidu wkoll li għandu jkun kontabbli għad-dmirijiet u l-użu ta' riżorsi.
Bartolo qal li għal BCBS, l-indipendenza fl-operat tfisser li ma jkunx hemm interferenza li tikkomprometti din l-indipendenza fl-operat .
Ftit tal-jiem ilu fil-Parlament Evarist Bartolo kien qal li huwa ma għandux fiduċja fiċ-Chairman tal-MFSA Joe Bannister.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista Charles Mangion kien iddefenda lil Joe Bannister u saħaq li minn mindu Bannister laħaq ċermen tal-MFSA, l-Awtorità mxiet ‘il quddiem ħafna.