Il-poter li kellu Keith Schembri kien wisq – Bartolo

Read in English.

Propju llum xehed il-Ministru Evarist Bartolo fl-inkjesta pubblika madwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

X’ħareġ fix-xhieda ta’ Bartolo llum?

  • Il-Ministru Bartolo jgħid li Keith Schembri kellu poter kbir fil-Kabinett u fil-Partit.
  • Insista li d-dettalji tal-persuni involuti f’tal-isptarijiet u tal-Electrogas ma kinux diskussi fil-Kabinett.
  • Jgħid li snin twal ilu kien intalab imur għal fenkata għand negozjant, fejn kien hemm anki avukati kbar. Qal li mar darba u ma marx aktar. Qal li hemm kienu qed jiddiskutu affarijiet ta’ artijiet. Qal li hemm irrealizza li l-pajjiż għandu żewġ kabinetti.
  • Bartolo jgħid li l-pajjiż għandu żewġ kabinetti: dawk li jiltaqgħu f’Kastilja u dawk li jiltaqgħu fuq id-dgħajjes. Qal li personalment iħoss li hemm bżonn eżami nazzjonali tal-kuxjenza, kemm il-politiċi u anke l-Qrati eċċ.
  • Jimplika li dan “ix-shadow government” kien immexxi minn Keith Schembri.
  • Bartolo qal li l-finanzjarjament tal-partiti jrid ikun pubbliku biex dawn ma jibqgħux f’idejn in-negozjanti.
11:33 Is-smigħ tal-lum jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
11:29 Aktar xhieda se tkompli tinstema' fit-12 ta' Awwissu fid-9.30am. Se jkun qed jintalab jixhed il-Ministru Edward Scicluna.

Is-smigħ li jmiss se jkun nhar il-Ġimgħa 31 ta' Lulju fejn se jkun qed jixhed l-Ewroparlamentari David Casa.
Nicole Borg
11:29 Tintemm hawn ix-xhieda tal-Ministru Bartolo.
Nicole Borg
11:24 Azzopardi jagħmel l-aħħar domanda tiegħu: "Il-Ministru qatt ingħata spjegazzjoni għall-influwenza li kellu Keith Schembri?"

Bartolo qal li ma jafx jekk Brian Tonna u Karl Cini kellhomx uffiċċju f'Kastilja. Qal li Keith Schembri kellu rwoli f'Kastilja minħabba l-kariga tiegħu ta' Chief of Staff.
Nicole Borg
11:22 Azzopardi staqsa jekk Bartolo jaqbilx li "Keith Schembri was the real Prime Minister". Said Puliccino, qal lil Bartolo ma jweġibhiex għax diġà kien wieġeb il-mistoqsija.
Nicole Borg
11:21 Azzopardi staqsa dwar dikjarazzjonijiet ta' "network sigriet" u jekk kellux informazzjoni jekk dan in-network sigriet ikunx mażunerija.

Bartolo qal li m'għandux aċċess għal-listi tal-mażunerija. Qal li kieku jaf ma kienx se jkollu problema jwieġeb.
Nicole Borg
11:20 "X'kienet ir-raġuni għaliex John Rizzo tneħħa minn kummissarju tal-Pulizija?" staqsa Azzopardi.

Bartolo qalet li sa fejn kien jaf hu, qabel din kienet deċiżjoni tal-Prim Ministru. Qal li issa din inbidlet.
Nicole Borg
11:19 Azzopardi staqsa jekk Bartolo kienx jaf li l-Gvern Taljan kienx ta kontribuzzjoni lill-pajjiż biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata. Qal li dan kien qal li seħħ qabel ma nqatlet Daphne.

Bartolo qal li ma kienx jaf dwar l-offerta.
Nicole Borg
11:17 Azzopardi staqsa meta sar jaf li l-elezzjoni tal-2017 kienet se ssir fl-2017.

Bartolo qal li sar jaf ftit jiem qabel ma tħabbret. Hu qal li ma kienx ħa din id-deċiżjoni b'sorpriża.
Nicole Borg
11:14 Azzopardi qal li l-Ministru qal li "kull min naqas irid iħallas għal għemilu" – "Il-Ministru jaqbel li uffiċjal għoli tal-Gvern, inkluż Ministru u Prim Ministru li juża e-mail privata għal xogħol amministrattiv hux sinjal ta' governanza tajba jew le?"

Il-Bord qal li din il-mistoqsija mhix skapitu tal-inkjesta pubblika. "Mhux qiegħdin hawnhekk biex nagħmlu l-headlines," qal Said Puliccino.
Nicole Borg
11:13 Azzopardi qal li Bartolo qed jigdeb. L-Imħallef Lofaro qalet li ma temminx li qed jigdeb Bartolo. L-Imħallef Mallia qal li jekk Azzopardi jibqa' b'din l-attitudni se jkollu jwaqqfu milli jistaqsi l-mistoqsijiet.
Nicole Borg
11:10 Azzopardi staqsa dwar it-3 ta' April 2016, meta tressqet il-mozzjoni ta' sfiduċja f'Joseph Muscat mill-Oppożizzjoni. Bartolo qal li hu kien ivvota kontra. Hu ssuġġerixxa li jitressaq biex jixhed dwar dan l-Onor. Godfrey Farrugia.

Azzopardi u Bartolo jidħlu f'battibekk hekk kif Azzopardi qed jistaqsi mistoqsijiet b'mod kemmxejn aggressiv. Bartolo qallu li aħjar li d-diskussjonijiet isiru bil-kalma. L-Imħallef Lofaro titlob għall-kalma.
Nicole Borg
11:08 Il-Bord ta' inkjesta titlob mill-ġdid għall-attenzjoni dwar kif ikunu magħmula l-mistoqsijiet.

Bartolo qal li jrid ikun hemm sforz biex in-nuqqas ta' qbil jinżamm ċivilizzat.
Nicole Borg
11:03 Il-Bord talab lill-avukat Jason Azzopardi biex iżomm attenzjoni kbira għall-mistoqsijiet li jsaqsi.

Azzopardi staqsieh "jekk ikolli ngħidlek li Daphne Caruana Galizia nqatlet qabel is-16 ta' Ottubru tal-2017, x'tgħid?" Bartolo talab lil Azzopardi jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.

Azzopardi qal li kien hemm character assassination minn qabel ma nqatlet. Hu qal li dan seħħ mill-Partit Laburista. L-Imħallef Lofaro kkjarifikat li anke l-Partit Nazzjonalista għamel dan.

Azzopardi kompla billi staqsa jekk dan l-għemil fuq numru ta' snin, "min-naħa ta' partit ewlieni" wassalx biex Caruana Galizia "tinqatel qabel".
Nicole Borg
11:01 Dwar FOIs miċħuda lill-ġurnalisti, Bartolo qal li ma jaqbilx li ma tingħatax l-informazzjoni. Bartolo qal li hu ħadem biex jidħol l-Uffiċċju tal-Ombudsman, biex jitneħħa l-libell kriminali u jrid li tkun indirizzata l-iSLAPP. Qal li hu jemmen li l-informazzjoni f'demokrazija hija kruċjali.
Nicole Borg
11:00 Bartolo tkellem dwar is-servizzi finanzjarji u qal dak li bena Dr Mario Felice tkisser. Min ġie warajh, protett minn Ministru wara l-ieħor, jiġifieri għal Joe Bannister, ma tax eżempju tajjeb.

Bartolo qal li l-unika persuna li ħa passi kien Alfred Sant.
Nicole Borg
10:57 Comodini Cachia rreferiet għar-relazzjoni bejn il-politiċi u n-nies fil-business. Staqsiet kif jirrelata x-xibka tal-kriminalità fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-bord. Biex ikun analizzat l-element tal-impunità bejn il-gvern u n-negozjanti.

Comodini Cachia speċifikat dwar il-każ tal-bank Pilatus, staqsietx jekk dan kienx diskuss fil-Kabinett. "Id-deċiżjoni tal-Electrogas kienet deċiżjoni diskussa fil-Kabinett? Dwar kuntratti maqbula minn qabel, taraha parti mill-impunità?"
Nicole Borg
10:54 Il-Bord qal li l-Ministru Evarist Bartolo kien l-ewwel Ministru li tressaq biex jixhed għax kien wieħed mill-aktar vokali. Il-bord ikkjarifika li Bartolo mhux se jkun l-aħħar Ministru li se jixhed fil-Qorti.
Nicole Borg
10:53 Bartolo qal li l-finanzjarjament tal-partiti jrid ikun pubbliku biex dawn ma jibqgħux f'idejn in-negozjanti.
Nicole Borg
10:52 L-Imħallef Lofaro qalet li forsi l-għalliema għandhom irwol importanti dwar l-edukazzjoni tat-tip, biex tinbidel il-mentalità.
Nicole Borg
10:50 Bartolo qal li għandu tama li l-affarijiet jistgħu jaqilbu għall-aħjar imma hemm bżonn sforz kbir.
Nicole Borg
10:49 Bartolo qal li proġetti jkunu diskussi fuq linja ġenerali, imma d-dettalji tiegħu ma jkunux diskussi fil-Kabinett.
Nicole Borg
10:47 Bartolo qal li hu ma kienx waħdu jikkummenta u jagħmel pressjoni minn ġewwa. L-Imħallef Lofaro ikkummentat li t-tibdiliet bdew isiru wara l-protesti tas-soċjetà ċivili. Bartolo qal li mhux biss.
Nicole Borg
10:46 Comodini Cachia qalet li meta Bartolo jgħid li kien hemm "shadow government" jekk dan kienx immexxi minn Keith Schembri. Bartolo wieġeb fl-affermattiv.
Nicole Borg
10:45 Bartolo qal li fil-Kabinett jiġu diskussi ħafna affarijiet, imma "dawn l-affarijiet" qatt ma ġew diskussi. Dan jiġifieri l-involviment ta' ċerti persuni fil-Vitals u l-Electrogas.
Nicole Borg
10:42 Il-Bord staqsa dwar min kienu l-persuni involuti u n-negozji. Irrefera għal konklużjonijiet tal-isptarijiet u kienx hemm diskussjoni.

Bartolo qal li l-informazzjoni li ħarġet fl-investigazzjoni tal-NAO, kien l-ewwel darba li sema bid-dettalji. Qal li dan diġà ddikjarah fil-Parlament. Hu insista li d-dettalji tal-persuni involuti f'tal-isptarijiet u tal-Electrogas ma kinux diskussi fil-Kabinett.
Nicole Borg
10:41 Dwar meta qal "this is not the end of the story", Bartolo qal li meta qal dan, kienet asserzjoni fuq sitwazzjoni u storja kumplessa li kienet se tkompli tiżviluppa. Insista li kieku jaf iżjed minn hekk, kien se jitkellem. Hu qal li ma kienx qed jitkellem fuq suspetti fondati.
Nicole Borg
10:39 Comodini Cachia staqsiet dwar meta Bartolo tkellem dwar "qattiela li qed jiġu protetti".

Bartolo qal li fil-fehma tiegħu trid tissaħħaħ l-investigazzjoni biex ikunu segwiti n-naħat kollha u kull min kien involut jitressaq. U b'hekk qal li ma jkun hemm protezzjoni għal ħadd.
Nicole Borg
10:37 Dwar il-protezzjoni, Bartolo qal li sema' mill-midja u qal ukoll li sema' li Caruana Galizia kienet irrifjutat.
Nicole Borg
10:36 Said Puliccino staqsa lil Bartolo dwar iż-żrara fiż-żarbun ta' Joseph Muscat. Bartolo wieġbu jgħid "mhux aħjar tistaqsi lilu, jien dwar l-iżrar tiegħi tkellimt".

Said Puliccino fakkar li r-responsabbiltà tal-Kabinett hija kollettiva.
Nicole Borg
10:34 Said Puliccino staqsa dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Kabinett b'konsegwenza ta' li ġara.

Bartolo qal li minn Jannar 'l hawn inbidlu ħafna affarijiet. Said Puliccino qallu li jaf li kien hemm tibdiliet, imma hu qed jistaqsi dwar iż-żmien tal-assassinju.
Nicole Borg
10:32 Il-Bord staqsa dwar ir-reazzjoni tal-Kabinett dwar l-assassinju.

Bartolo qal li kienu xxukkjati. Qal li waħda mil-akbar limitazzjonijiet li għandu l-pajjiż, huwa li ma jistax iġib pulizija minn partijiet differenti tal-pajjiż kif isir f'Londra u fl-Italja. Qal li b'hekk hemm bżonn l-involviment tal-Europol, FBI eċċ. Qal li f'delitti tat-tip huwa importanti li jkun hemm dawn it-tip ta' għajnuna esterna.
Nicole Borg
10:32 Bartolo qal li huwa importanti li l-Kummissarju jagħmel stock take. Qal li hemm affarijiet li jridu jiġu segwiti iżjed imma mhux se jgħidlu hu x'inhuma dawn l-affarijiet.
Nicole Borg
10:30 Bartolo għamel appell lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jagħmel analiżi serja ta' fejn waslu l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista u jara li affarijiet li ma ġewx indirizzati jkunu indirizzati.

Bartolo ammetta li jemmen li hemm affarijiet li għadhom ma ġewx indirizzati. Qal li issa hemm ċans bis-serjetà li tibda paġna ġdida.
Nicole Borg
10:29 Bartolo qal li Caruana Galizia kienet studenta tiegħu tal-ġurnaliżmu fl-Università ta' Malta. Hu ddeskriva l-qtil tagħha bħala xi ħaġa attroċi.
Nicole Borg
10:28 Il-Bord staqsa dwar il-miżuri li l-Gvern ħa wara l-Panama Papers u informazzjoni oħra biex jipproteġi lil Caruana Galizia.

Bartolo qal li jekk hu infurmat sew, il-Ministru responsabbli dak iż-żmien kien offrielha s-sigurtà. Qal li hu jaf dan għax l-informazzjoni hija pubblika.
Nicole Borg
10:25 Huma tkellmu dwar il-laqgħa tal-Kabinett ta' Novembru u qal li nfetħu għajnejn li qabel ma kienux infetħu, inkluż tiegħu.
Nicole Borg
10:25 Bartolo qal li hu pubblikament wera kemm-il darba x'kienet il-pożizzjoni tiegħu f'dan il-każ.
Nicole Borg
10:22 Lofaro staqsiet dwar il-vot ta' fiduċja unanimu f'Novembru 2019 fil-Prim Ministru. Staqsiet x'seta' ġara li kieku xi ħadd astjena jew ivvota kontra.

Bartolo qal li hu jirrispetta lil dawk bħal tal-Moviment Graffitti li jipprotestaw. Qal li hu għażel li jipprotesta minn ġol-istituzzjonijiet. Qal li ilu fil-politika mill-1992. Qal li hu dejjem għażel li jaħdem minn ġewwa u din hija dejjem aktar diffiċli. Qal li trid toqgħod attent li ma tikkompromettix iċ-ċans tiegħek li tagħmel din il-bidla.
Nicole Borg
10:21 Said Puliccino qal li l-verità xi ħadd irid jgħidilhom. Qal li din l-inkjesta qed issir biex joħorġu n-nuqqasijiet. Insista li kulħadd irid jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu.
Nicole Borg
10:18 Bartolo qal li min jaħsel il-flus u jgawdi mill-korruzzjoni qas jinkwieta li jmur il-Qorti u jdum 13-il sena biex jinqata' l-każ. Insista li hemm bżonn liġijiet apposta biex wieħed iħallas għal għemilu mingħajr dewmien.

Bartolo qal li jittama li "nitgħallmu" biex isiru l-bidliet neċessarji.
Nicole Borg
10:17 Bartolo qal li "jekk mhux se nibdew ma noqgħodux biss fuq sanzjonijiet, mela mhux se joħduna bis-serjetà." Bartolo qal għaliex ħadd ma tressaq b'rabta mal-Panama Papers, insista li dan m'għandux ikun.
Nicole Borg
10:14 L-Imħallef Lofaro qalet "kulħadd ma jaf xejn".
Nicole Borg
10:12 Bartolo qal li hu flimkien ma oħrajn, f'Diċembru, komplew jimbuttaw biex issir bidla.

Il-Bord irrimarka li kellu jsir ħafna affarijiet biex issir il-bidla.

Bartolo qal li s-soċjetà ċivili "għamlet sew" li ħarġet fit-toroq tipprotesta. Bartolo qal li kulħadd għandu parti biex iwassal għall-bidla.
Nicole Borg
10:11 L-Imħallef Emeritu qal li għall-pubbliku bħal qisu jidher li ma ġara xejn.

Bartolo qal li hu kien qalilhom li għandhom jitilqu. Imma huma ma telqux.
Nicole Borg
10:10 Bartolo qal li hu tkellem mal-Prim Ministru, Keith Schembri, Konrad Mizzi u tkellem ukoll fil-Kabinett. Qal li dan kien il-mod kif hu għamel l-almu tiegħu.
Nicole Borg
10:09 Comodini Cachia rreferiet għal post oħra ta' Bartolo, u pproponiet lill-Bord biex il-Ministru jiddikjara x'għamel meta qal "jagħmel l-almu tiegħu".
Nicole Borg
10:07 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal lil Bartolo li jrid jgħidlu kollox "inkella għalxejn se niġu hawn".

Il-Bord ta' inkejsta talab lil Comodini Cachia biex toqgħod attenta dwar il-mistoqsijiet li tagħmel għax l-inkjesta waslet "f'ċertu livell".
Nicole Borg
10:06 Bartolo qal li hu mhux anti-business. Qal li hu kkummenta ċar li l-influwenza ta' Keith Schembri fil-Kabinett kienet ħażina. Qal li ma jistax ikollok persuna b'daqshekk poter f'idejha. Qal li dan il-poter li kellu la kien ta' ġid għall-pajjiż u lanqas għall-partit.
Nicole Borg
10:06 Il-Bord qal li Bartolo kien vag ħafna f'dak li kiteb fuq il-midja soċjali u ma jistax ikun li meta għamel ċertu dikjarazzjonijiet ma kellux ismijiet u persuni f'moħħu.
Nicole Borg
10:04 Bartolo qal li hu jista' jwieġeb biss għal dak li hu responsabbli.

Lofaro qaltlu li l-Kabinett għandu responsabbiltà kollettiva.
Nicole Borg
10:03 Bartolo qal li hu għamel l-almu tiegħu.

Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li l-Gvern għandu responsabbiltà u l-Kabinett għandu responsabbiltà li jgħin lill-Qorti b'mod sinċier f'din l-inkjesta.

L-Imħallef Lofaro qalet li l-Kabinett huwa kollu responsabbli.
Nicole Borg
10:01 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li f'pajjiżi oħrajn fejn ikun hemm livell ta' korruzzjoni bħal dan, persuni pubbliċi rreżenjaw.

Bartolo qal li hu dejjem ivvota kontra l-persuni b'allegazzjonijiet ta' korruzzjoni.
Nicole Borg
10:00 Bartolo qal li meta kien Ministru għall-Edukazzjoni kien hemm min kien jitolbu l-pjaċiri, bħal scholarships u anke tibdil fil-marki.

Il-Bord qal li jaqbel ma' Bartolo li hemm bżonn eżami tal-kuxjenza nazzjonali.
Nicole Borg
09:58 Hu rrakkonta storja ta' kif snin twal ilu kien intalab imur għal ikla fenek għand negozjant, fejn kien hemm anki avukati kbar. Qal li mar darba u ma marx aktar. Qal li hemm kienu qed jiddiskutu affarijiet ta' artijiet.

Qal li hemm irrealizza li l-pajjiż għandu żewġ kabinetti. Dawk li jiltaqgħu f'Kastilja u dawk li jiltaqgħu fuq id-dgħajjes. Qal li personalment iħoss li hemm bżonn eżami nazzjonali tal-kuxjenza, kemm il-politiċi u anke l-Qrati eċċ.
Nicole Borg
09:57 Bartolo qal li minn età żgħira kien jaħseb li waħda mill-problemi ta' Malta huwa ċ-ċokon tal-pajjiż. Dan iċ-ċokon qal li jġib inċest perikoluż ħafna, diġenerazzjoni ġenetika, imma wkoll deġenerazzjoni fil-ħajja. Qal li l-periklu ta' pajjiżi żgħar ħafna huwa dan.
Nicole Borg
09:56 Bartolo qal li hu kien wissa l-ħsara li seta' jsir lill-pajjiż wara dawk id-dokumenti.

Il-Bord irrikonoxxa li Bartolo kien l-unika wieħed li tkellem fuq ċertu affarijiet ta' korruzzjoni.
Nicole Borg
09:55 Bartolo qal li jkollok Gvern li jidher fuq quddiem, imbagħad ikollok il-Gvern ta' wara l-kwinti.
Nicole Borg
09:53 Bartolo rrefera għad-diskors li għamel fil-Parlament fl-4 ta' Mejju tal-2016. Qal li f'dan id-diskors irreaġixxa għall-aħbar tal-Panama Papers. Qal li persuna fin-negozju li tiftaħ kontijiet, fil-ħajja pubblika żgur li mhux aċċettabbli.
Nicole Borg
09:52 Il-bord kompla jikkwota aktar partijiet mill-istess post u qalu li l-ħsieb ta' Bartolo kien idur dwar ħbiberiji u networks li ma kellhomx ikunu. Qalu li l-bord huwa konxju li Bartolo kien qed jara ċertu affarijiet u nuqqasijiet.
Nicole Borg
09:50 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino kkwota Tweet ta' Bartolo li tmur lura għal Diċembru. Hu semma l-Panama Papers.

Bartolo qal li hawn kien qed jirreferi għall-evażjoni tat-taxxa. Dak kien l-ispunt li laqtu minn dawk li kixfu l-Panama Papers.
Nicole Borg
09:49 Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Nicole Borg
09:47 Il-bord ikkjarifika li din mhix inkjesta fuq id-delitt, iżda l-aspett amministrattiv biex ikun identifikat jekk kienx hemm xi nuqqas li seta' wassal għal dan.
Nicole Borg
09:45 Comodini Cachia staqsiet mill-ġdid għall-proċedura interna.

Bartolo qal li f'dawn is-sitt xhur li ilu fl-Uffiċċju, hu jikkomunika r-relazzjoni ma' pajjiżi oħrajn permezz tal-Ambaxxaturi ta' Malta u permezz ta' ħadd aktar.
Nicole Borg
09:44 Comodini Cachia qalet li l-allegazzjoni hija li Gafà mar il-Libja biex jinnegozja f'isem il-Gvern. Staqsiet kif azzjoni bħal din tiġi kkordinata.

Bartolo qal li Gafà ma ntbagħatx hemm fuq ordni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Nicole Borg
09:43 Comodini Cachia reġgħet staqsiet mill-ġdid il-mistoqsija tagħha. Bartolo qal li se jivverifika jekk ħarġux xi ordnijiet fil-konfront ta' Gafà mill-Ministeru tiegħu jew wieħed ieħor. Qal li jaf l-informazzjoni li qed titlob il-Qorti tkun tista' tiġi akkwistata mill-Ministeru għall-Intern u mhux mill-Ministeru tiegħu.
Nicole Borg
09:42 Bartolo qal li hu ma kellux bżonn jagħmel verifiki dwar Gafà għax hu ma kellu l-ebda intenzjoni li jingaġġah fil-Ministeru. Qal li jekk persuna jkun se jħaddimha fil-Ministeru tkun responsabbiltà tiegħu li jinforma ruħu dwarha. Hu qal li b'hekk ħass li ma kienx hemm bżonn li jivverifika l-allegazzjonijiet.
Nicole Borg
09:42 Bartolo qal li kieku kellu xi informazzjoni oħra kien se jgħidha fil-Qorti.
Nicole Borg
09:40 L-avukat Comodini Cachia staqsiet lill-Ministru biex jivverifika l-files tal-Ministeru x'kien hemm dokumentazzjoni u jekk kellux passaport dipplomatiku.
Nicole Borg
09:39 Bartolo qal li minn wara l-ewwel inċident Gafà ma kellu l-ebda rwol fil-Ministeru. Qal li hu ma jistax iwieġeb dwar affarijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru.
Nicole Borg
09:38 Dwar in-negozjati mal-Libja, Bartolo qal li minn meta sar responsabbli hu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ra li Gafà ma jitħalla jkollu l-ebda rwol fil-Ministeru tiegħu.
Nicole Borg
09:37 Il-Ministru kien mistoqsi dwar l-involviment ta' Neville Gafà mal-Ministeru tiegħu. Il-Ministru Bartolo qatt ma kellu involviment.
Nicole Borg
09:36 Il-Ministru Evarist Bartolo jintalab jitla' jagħti x-xhieda tiegħu.
Nicole Borg
09:35 Min-naħa tagħha, l-avukat Therese Comodini Cachia għaddiet dokumenti l-Qorti fosthom dokument li jgħid dak li kienet affaċċjat Caruana Galizia 10 ijiem qabel l-assassinju.
Nicole Borg
09:35 Jidħlu fl-awla l-bord ta' inkjesta.
Nicole Borg
09:34 Bonġu lilkom. Newsbook.com.mt jinsab live minn awla 20 fejn se tkun qed titkompla tinstema l-inkejsta pubblika b'rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Nicole Borg

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Il-ġurnalista qalet li f’Novembru kien hemm xaqq ta’ dawl għal-libertà tal-istampa, imma n-nies għadhom imbeżżgħin
  • Skontha, Joseph Muscat baqa’ bil-ġurnalisti fil-mira tiegħu, anke wara l-assassinju
  • Dwar l-attentat ta’ suwiċidju ta’ Melvin Theuma: “Fejn fl-UE tara xhud f’sitwazzjoni bħalma ġara 3 ijiem ilu? Xi ħaġa oxxena.”
  • “L-assassinju seta’ jiġi evitat; il-mod kif kienet attakkata, trattata u ffastidjata kien sinjal li l-affarijiet setgħu biss ikomplu jiggravaw.”
  • Ades-Mevel qalet li hu ċar li hemm interferenzi politiċi fl-investigazzjoni tal-assassinju
  • Il-ġurnalista kkumparat is-sitwazzjoni f’Malta ma’ dik fis-Slovakkja fejn il-PM irriżenja minnufih.