Aġġornata: Evarist Bartolo jinsisti li l-Ministru Fenech huwa nvolut fl-iskandlu ta’ xiri ta’ żejt

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Laburista Evarist Bartolo fakkar li l-Ministru Tonio Fenech għamel dikjarazzjoni li dawk li jieħdu rigal minn negozjant taż-żejt, ikunu parti mill-korruzjoni fl-Enemalta. Dan ifisser, li fi kliemu, l-Ministru Tonio Fenech huwa nvolut fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

Evarist Bartolo saħaq li minkejja dak li jgħid il-Ministru, Tonio Fenech ltaqa’ ma’ Farrugia u ħa rigal mingħandu.

Mistoqsi minn fejn ġab l-informazzjoni, Evarist Bartolo qal li mhux lest jiżvela dan.

Il-kelliem Laburista Chris Cardona żied jgħid li dakinhar li ngħatat l-proklama, il-Ministru għażel li ma jattendix il-laqgħa tal-Kabinett u minflok mar fuq programm tat-televiżjoni.

Waqt il-konferenza, ġie ikkonfermat li l-amministrattur finanzjajru tal-Parit Laburista Joe Cordina irriżenja l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali u ssospenda r-rwol tiegħu fi ħdan il-Partit. Cordina qed jiċħad b’mod kategoriku li huwa nvolut fl-iskandlu.

Ingħad li l-Partit Laburista jixtieq li l-proċeduri legali fuq dan il-każ jibdew qabel l-elezzjoni ġenerali. Ġie ukoll kkonfermat li Joe Cordina rreżenja mill-kariga tiegħu fit-tliet kumpaniji tal-Partit Laburista.