Evarist Bartolo b’appell lill-Pulizija u lill-Qrati

"Żmien diffiċli ħafna"

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qed jappella lill-Korp tal-Pulizija u lill-Qrati biex jagħmlu dmirhom u “ssir ġustizzja tassew”.

Bartolo, li dalgħodu reġa’ żamm l-appuntament mas-segwaċi tiegħu fuq Facebook, irrimarka li l-pajjiż għaddej minn żmien diffiċli ħafna iżda li “jekk inħobbu lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna għandna naraw li noħorġu minnu pajjiż aħjar”. Enfasizza li mhux żmien li jissaħnu l-irjus, tinfirex il-mibegħda u vjolenza kontra xulxin.

Ikkumenta dwar il-protesti li qed isiru fil-pajjiż, u saħaq li dawn huma essenzjali f’demokrazija u li għandhom ikunu ċivilizzati u demokratiċi “għax faċli tixgħel lin-nies ħuġġieġa”. Staqsa “imma mbagħad kif se titfi n-nar?” Enfasizza li għandna nħobbu lil Malta kollha, b’qalbna kollha, il-ħin kollu. Irrefera għar-rumanz “L-aħwa joqtlu lil xulxin”, fejn Nikos Kazantzakis jgħid x’ġara 75 sena fil-Greċja, meta l-Griegi daru kontra xulxin u bdew joqtlu lil xulxin.  Saħaq li m’aħniex f’dik is-sitwazzjoni u li għandna nagħmlu minn kollox biex ma niġux fiha.

Evarist Bartolo rrefera għal prietka qawwija mill-qassis Yanaros li jgħid:

“Not one leader, either red or black, has the whole of Greece in his heart; all of them have her divided – the criminals have cut her in two, as if she were not alive. And each piece has gone mad and wants to eat the other. Kings, politicians, officers, bishops, leaders in the hills, captains in the valley, all of them, all of them have gone mad. They’re wild, hungry wolves, and we the people, are the meat, they see us as meat and they devour us.”

Il-Ministru kompla jfisser li waqt li l-Qrati u l-Pulizija jagħmlu dmirhom, “għandna nibżgħu għall-pajjiżna u nkomplu noħolqu l-ġid u x-xogħol u naraw li nieħdu ħsieb il-familji, dawk li jifilħu inqas u bla leħen”.

Evarist Bartolo fl-aħħar jiem kiteb messaġġi u appelli kontinwi li jindikaw li l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru jirriżenjaw. Dawn irriżenjaw ilbieraħ, filwaqt li Dr Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu.