Evalwazzjoni pożittiva għall-Ministeru tal-Finanzi ta’ Malta

Ir-rapport annwali mill-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) fuq il-Ministeru tal-Finanzi ta’ Malta  kien wieħed pożittiv wara li l-qagħda fiskali għall-2016 kienet ħafna aħjar minn dik mistennija.

L-għan ewlieni tar-rapport annwali tal-MFAC hu li jevalwa t-twettiq tal-Baġit tas-sena ta’ qabel u li jagħti spjegazzjonijiet fuq id-differenzi fl-iżviluppi makroekonomiċi u fiskali li seħħew meta mqabbla mat-tbassir li jkun sar. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-MFAC din is-sena kienet biex il-Ministeru tal-Finanzi jara eżatt għalfejn ċertu miri fiskali jew ma ntlaħqux jew ġew maqbuża.  

Ir-rapport wera kif il-Fond Konsolidat irreġistra bilanċ pożittiv ta’ €8.9 miljun, għall-kuntrarju tad-defiċit ta’ €196 miljun imbassar f’Ottubru ta’ 2015. Il-kunsill irrapporta li l-aktar fattur importanti għas-surplus kien id-dħul mill-Individual Investor Programme li kien aktar għoli minn dak mistenni. It-taxxi fuq il-pagi u l-ġid kienu fattur importanti ieħor.