Evalwati numru ta’ opportunitajiet varji fin-niċċa tat-turiżmu sportiv

Qrib il-€5 miljun fl-ekonomija Maltija permezz ta’ turiżmu sportiv mill-futbol fl-aħħar sena

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret l-istadium nazzjonali u l-kumpless sportiv tal-Malta Football Association f’Ta’ Qali fuq stedina tal-istess MFA.  F’din iż-żjara saret laqgħa fejn fiha ġew evalwati numru ta’ opportunitajiet varji partikolarment fin-niċċa tat-turiżmu sportiv.

It-turiżmu sportiv, speċjalment dak marbut mat-training camps tat-timijiet tal-futbol, kiber ħafna f’Malta matul din l-aħħar sena, u huwa stmat li f’dan iż-żmien iddaħħlu mal-€5 miljun fl-ekonomija Maltija permezz ta’ dan. Studji juru li din il-ħidma konġunta bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MFA u l-kumpanija Sports Plus, fl-aħħar sena wasslet biex dawn it-training camps raw 30,000 lejl ta’ okkupanza fl-akkomodazzjoni f’pajjiżna. Dan minbarra r-reklam ta’ pajjiżna fuq siti, stazzjonijiet u ġurnali internazzjonali minn mezzi tax-xandir li jiġu apposta f’Malta sabiex isegwu lit-timijiet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru ghat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli spjegat kif it-turiżmu sportiv huwa niċċa li l-Ministeru għat-Turiżmu jrid ikompli jwieżen fil-futur. “Fix-xhur li ġejjin irridu nattiraw iżjed turisti lejn pajjiżna anke permezz ta’ training camps speċjalizzati fil-futbol u b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Association qegħdin naraw xogħol utli u importanti biex inkomplu nsostnu dawn it-tip ta’ wasliet f’Malta”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-ministru żiedet tgħid li għandna nħarsu ‘l quddiem sabiex din ir-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn il-Malta Football Association u l-ministeru, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkompli tisaħħaħ fix-xhur li ġejjin.

Il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo faħħar il-kollaborazzjoni li hemm bejn l-MFA, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turizmu u saħaq dwar l-importanza ta’ laqgħat bħal dawn li jagħtu lill-assoċjazzjoni motivazzjoni biex tkompli ttejjeb l-infrastruttura u b’hekk Malta tkun aktar kompetittiva fis-suq tat-turiżmu sportiv fin-nofsinhar tal-Ewropa.

Is-Sur Vassallo tenna kemm il-futbol jikkontribwixxi lejn il-pajjiż u spjega li l-okkupanza ta’ ljieli fl-akkomodazzjoni hija mifruxa fuq żewġ binarji fejn 15,000 okkupanza ta’ ljieli tasal permezz ta’ ftehim li jsir mill-kumpanija Sports Plus li hija sussidjarja tal-MFA u ssapportjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, filwaqt li madwar 15,000 lejl ieħor jiġu minn timijiet nazzjonali li jilgħabu logħob kompetittiiv f’pajjiżna. It-tnejn flimkien jammontaw għal 30,000 lejl ta’ okkupanza f’akkomodazzjoni lokali.

Jakkumpanjaw lill-ministru kien hemm iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur is-Sur Ronald Mizzi, flimkien ma’ uffiċjali oħra mill-ministeru, mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mill-Malta Football Association.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.