Evakwazzjoni ta’ eluf fil-Filippini minħabba żbroff ta’ vulkan

Aġġornat 07:32 AM
Residents look at the errupting Taal Volcano in Tagaytay City, Philippines, January 13, 2020. REUTERS/Eloisa Lopez

Kważi 16,000 persuna ġew evakwati fil-Filippini wara li fi tmiem il-ġimgħa beda jiżbroffa l-vulkan Taal li jinsab madwar 75 kilometru mill-kapitali Manila. L-iżbroff qed ikun akkumpanjat minn diversi terremoti pjuttost qawwija. 

Fil-perifiji ta’ Manila, hekk kif beda nieżel l-irmied, ħafna kienu dawk li marru jixtru l-maskri. L-irmied li beda nieżel effettwa wkoll it-titjiriet mill-ajruport internazzjonali ta’ Manila. Filwaqt li l-Ħadd it-titjiriet twaqqfu għal kollox, it-Tnejn saru xi titjiriet imma l-awtoritajiet wissew li l-ajruport jista’ jerġa’ jingħalaq jekk is-sitwazzjoni taqleb ghall-agħar.

Uffiċjali wissew li qed jistennew li minn ħin għall-ieħor il-vulkan jiżbroffa bil-qawwa wara li l-Ħadd beda jarmi kwantita kbira ta’ irmied li kesa l-irħula ta’ madwar. L-irmied saħansitra wasal fil-kapitali. Uffiċjali qed ibassru li minħabba l-qawwa li bih jista’ jiżbroffa dan il-vulkan jista’ jkun hemm ukoll tsunami.

Iż-żona ta’ periklu hi stmata ta’ madwar 14-il kilometru mill-vulkan. Żona li fiha jgħixu madwar 450,000 persuna.