Evakwati lejn Malta u jitilqu lejn l-Indja

Matul dan il-lejl daħal fil-Port il-Kbir il-katamaran tal-Virtu’ Ferries bi vjaġġ mil-Libja hekk kif komplew jiġu evakwati aktar persuni.
Il-kumpanija Virtu Ferries qalet li l-passiġġieri abbord il-katamaran ‘San Ġwann’ kienu kollha Indjani minbarra ħaddiem wieħed Malti, bil-vjaġġ kien operat mill-kumpanija u l-Gvern Indjan.
L-evakwazzjoni mbagħad kompliet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif il-Gvern Indjan bagħat ajruplan tat-tip 747 tal-Air India biex jiġbor il-289 ħaddiem Indjan li kienu evakwati minn Benghazi.
Fil-jiem li ġejjin mistennija jkomplu aktar evakwazzjonijiet mil-Libja permezz tal-katamaran tal-Virtu Ferries.
Ilbieraħ, Newsbook.com.mt żvela li vjaġġ bil-katamaran bla ritorn mil-Libja lejn Malta jiswa €1,000 għal kull adult.