Eurovision: Tas-Serbja diżappuntata għax il-pajjiżi ġirien ma vvutawliex!

Nevena Božović. Ritratt: Thomas Hanses

Spiss nisimgħu kif fil-Eurovision Song Contest, il-pajjiżi jivvuttaw l-għola punti lill-ġirien tagħhom, u pajjiżi bħal tagħna, jispiċċaw b’xejn.

Iżda kemm hu minnu li l-pajjiżi dejjem qed jivvutaw il-ġirien tagħhom?

Skont il-kantanta Nevena Božović hi marret ħażin fil-Eurovision għax il-ġuriji tal-pajjiżi ġirien ma’ vvutawlix u b’hekk spiċċaw fit-18-il post bil-kanzunetta tagħha Kruna.

Skont ir-rivista ppubblikata fis-Serbja, Srbija Danas, il-kantanta tant kienet urtata bir-riżultat is-Sibt li għadda li qabdet l-ewwel ajruplan biex titlaq mill-Iżrael lura lejn pajjiżha.

Jingħad li l-ikbar diżappunt kien bil-ġurija tal-Maċedonja tat-Tramuntana li ma tawha l-ebda punt, l-istess bħal ma għamlu l-ġuriji tas-Slovenja u l-Ungerija waqt li l-Kroazja tawha 4 punti.

L-unika eċċezzjoni kienet il-ġurija tal-Montenegro, li lis-Serbja tawhom 12-il punt.

Iżda b’kuntrast għall-vot tal-ġurija, il-pajjiżi ġirien kienu aktar ġenerużi lejn is-Serbja u Nevena, bil-Montenegro mill-ġdid bħala l-pajjiż li taw punti lis-Serbja. Imbagħad il-pubbliku tas-Slovenja u l-Maċedonja tat-Tramuntana tawha 8 punti filwaqt li 3 punti waslu mir-Rumanija.

In-nuqqas ta’ punti min-naħa ta-ġuriji qajmet dibattitu u saħanistra l-kantanta tal-Maċedonja tat-Tramuntana, Tamara Todevska, qalet li l-ġurija ta’ pajjiżha messhom tawha aktar puntati u ħasset li kellha tiskuża ruħha “għal din l-inġustizzja”.

Din mhux l-ewwel darba li ħarġu dawn it-tip ta’ lmenti minn dan ir-reġjun. Fl-2017 Jacques Houdek kien kritika l-pajjiżi ġirien tal-Kroazja wara li kienet biss il-ġurija tal-Montenegro li kienet ivvutatlu.