Eurovision: Michela fuq it-tapit l-oranġjo

Ritratt: Andres Putting

Ftit tal-ħin ilu bdiet iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċċjali tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, fejn il-41 parteċipant f’din l-edizzjoni jiltaqgħu lkoll taħt l-istess saqaf ġewwa il-Habima Theatre, it-teatru nazzjonali f’Tel Aviv.

Biex jaslu għal dan it-tatru, l-artisti u d-delegazzjonijiet li qed jakkumpanjawhom jgħaddu minn fuq tapit, li flok is-soltu kulur aħmar, din is-sena huwa kulur oranġjo.

It-tapit l-oranġjo li jwassal għat-Teatru Habima. Ritratt: Andres Putting

Barra t-teatru fejn se tkun qed issir iċ-ċerimonja, numru kbir ta’ ġurnalisti u dilettanti tal-Eurovision inġabru biex jassistu għall-wasla tal-artisti u jieħdu filmati u ritratti.

Tassew festa ta’ kuluri u stili ta’ ħwejjeġ differenti ta’ kuluri li jirriflettu d-diversita’ u t-taħlita ta’ kulturi differenti li qed jikkaraterizzaw din l-edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.

Ovvjament, anki l-kantanta Michela Pace għaddiet minn fuq dan it-tapit, li llum sar tradizzjoni sa’ mill-2009. Il-kulur aħmar hu dak li normalment intuża għajr fl-2010 meta kien tapit roża u s-sena l-oħra meta kien tapit blu.

F’atmosfera brijuża, Michela għamlet ukoll id-daħla tagħha ftit tal-ħin ilu. Il-kantanta żagħżugħa ta’ 18-il sena għandha tim warajha li qed jieħu ħsieb id-dehra tagħha mhux biss għal fuq il-palk, iżda għal waqt dawn it-tip ta’ dehriet matul din il-ġimgħa fejn il-fotografi u l-kameras ikunu kważi kullimkien ma’ kull pass li jagħmlu l-artisti parteċipanti fil-Eurovision.

Michela kienet akkumpanjata miż-żeffiena tagħha kif ukoll minn Destiny Chukunyere, li għalkemm ma tidhirx fuq il-palk, se tkun qed tagħmel il-backing vocals għal Michela waqt l-interpretazzjoni tal-kanzunetta Chameleon.

Waqt id-daħla tagħha, Michela qalet li hija eċċitata u tkellmet ukoll fuq il-Chameleon Dance u f’temp qasir ħafna taw ukoll dimostrazzjoni qasira ta’ din iż-żifna li se tkun parti importanti mill-wirja li Michela se tagħti nhar il-Ħamis fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest.

Ritratt: Olivier Vanhoutte

Għal dawk li ma jistgħux jidħlu, l-atmosfera f’Tel Aviv hi waħda ta’ ċelebrazzjoni hekk kif bosta artisti mill-edizzjonijiet passati tal-Eurovision ukoll marru f’dan il-pajjiż fejn se jkunu jew qed jitilgħu għal xi dehra qasira fuq il-palk tal-Eurovision, jew inkella se jieħdu sehem f’serati li jsiru fil-Euro Cafe kif ukoll fil-Euro Club, li huma żewġ postijiet li jinħolqu f’kull pajjiż ospitanti minn edizzjoni għall-oħra biex b’hekk ikollhom postijiet speċifiċi fejn ikunu jistgħu jgawdu l-atmosfera tal-Eurovision Song Contest.