Eurovision: Meta se jkunu l-provi ta’ Michela f’Iżrael?

Albert Camilleri

Ikomplu t-tħejjijiet għall-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest hekk kif id-delegazzjonijiet issa jibdew jaslu wkoll f’Tel Aviv f’Iżrael għall-ewwel provi tagħhom fuq il-palk tal-Eurovision.

B’kollox din is-sena hemm 35 pajjiż jikkompetu f’żewġ semifinali tal-14 u s-16 ta’ Mejju u sitta oħra li huma kkonfermati għas-serata finali tas-Sibt 18 ta’ Mejju.

Il-provi se jibdew is-Sibt 4 ta’ Mejju bil-parteċipanti tal-ewwel semifinali. Dawn il-provi jissoktaw l-għada l-Ħadd.

It-Tnejn 6 ta’ Mejju jibdew il-provi tat-tieni semi finali. Michela Pace li se tkun qed tikkompeti bil-kanzunetta Chameleon se tkun qed tagħmel il-provi tagħha t-Tlieta 7 ta’ Mejju fl-09.40am, (ħin ta’ Malta – Iżrael qegħdin siegħa qabilna).

Imbagħad tkun qed tagħmel it-tieni prova tagħha, is-Sibt 11 ta’ Mejju fid-09.25am.

Wara dawn il-provi jkun imiss id-dress rehearsals, bl-ewwel wieħed għal Michela l-Erbgħa 15 ta’ Mejju fit-15.00, u aktar tard fid-21:00 għat-tieni semifinali, li tkun tfisser ukoll is-serata ta’ x’ħin tivvota l-ġurija.

Il-Ħamis 16 ta’ Mejju fit-15:00 ikun hemm it-tielet u l-aħħar dress rehearsal qabel ma mbagħad ikun hemm is-serata tat-tieni semifinali.