Eurovision: Madonna tinsab f’Tel Aviv, iżda l-kuntratt iffirmatu?

Skont l-aħħar tagħrif li qed jasal, kmieni llum il-kantanta ta’ 60 sena Madonna ffirmat il-kuntratt biex tkun tista tidher fil-finali tal-Eurovision Song Contest. Skont il-Jerusalem Post, kien l-istazzjon Nazzjonali tal-Iżrael, KAN li ħabbar dan.

Qed jingħad li Madonna waslet l-Iżrael nhar it-Tlieta li għadda flok ilbieraħ kif kien skedat u minnufih kellha diżgwid mal-organizzatturi tal-Eurovision, il-European Broadcasting Union, għax riedet tagħmel l-ewwel provi tagħha ġewwa l-Expo Tel Aviv mingħajr ma’ kienet għadha biss iffirmat il-kuntratt.

L-istess rapporti jgħidu li għaddiet ta’ Madonna u fil-fatt l-ewwel provi għamlithom ilbieraħ fil-magħluq u llum kellha aktar provi u li issa l-kuntratt tagħha mal-EBU biex tidher fil-Eurovision Song Contest 2019 huwa ffinalizzat u ffirmat.

Għalkemm Madonna diġa ntlemħet f’Tel Aviv, u fil-midja qed joħorġu rapporti li Madonna ffirmat il-kuntratt, il-konferma uffiċċjali mistenni li toħroġ aktar tard illum, wisq probabbli qabel ma’ tibda s-serata tat-tieni semifinali, waqt konferenza stampa li se jkunu qed jindirizzaw l-EBU.

Fost id-diżgwid li qed jingħad li kien hemm bejn Madonna u l-EBU kien hemm kwistjonijiet ta’ drittijiet fuq is-sehem tagħha, kif ukoll biex ma tużax messaġġi politiċi waqt il-wirja tagħha.