Eurovision: Madonna għadha ma ffirmatx!

Illum tħabbar li l-kantanta ta’ 60 sena Madonna se tasal f’Tel Aviv, l-Iżrael nhar l-Erbgħa permezz tal-ajruplan privat tal-filantropista Sylvan Adams li ħallas biex Madonna tkanta fil-finali tal-Eurovision Song Contest nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju.

Iżda llejla qamet il-kontroversja hekk kif waqt konferenza li saret minn Jon Ola Sand, l-executive supervisior tal-Eurovision Song Contest, huwa tkellem mal-ġurnalisti fejn qal li Madonna għadha ma ffirmatx il-kuntratt biex titla’ fuq il-palk tal-Eurovision.

Jon Ola Sand tal-EBU waqt il-konferenza stampa ma’ Yuval Cohen mill-istazzjon nazzjonali tal-Iżrael KAN. Ritratt: Andres Putting

Hu ġie kkwotat li qal li l-Eurovision Broadcasting Union qatt ma kkonfermaw lil Madonna bħala waħda mill-artisti li se jieħdu sehem fil-Eurovision u jekk ma jiġix iffirmat il-kuntratt mat-tim tagħha, l-artista mhux se tkun tista’ tagħti l-wirja tagħha nhar is-Sibt.

Hu żied jgħid ukoll li l-EBU għadhom ukoll qed jinnegozzjaw il-kundizzjonijiet marbuta mad-dehra tagħha fis-serata finali.

Ola Sand qal li għal xhur sħaħ ħafna kienu dawk li tkellmu f’isem l-EBU mingħajr awtorizazzjoni u issa l-organizzazzjoni tinsab f’sitwazzjoni stramba fejn jixtiequ jilqgħu lil Madonna fuq il-palk iżda li dan mhux se jkun possibbli qabel ma hi tiffirma l-kuntratt.

Jon Ola Sand ma elaborax dwar x’qiegħed iżomm lil Madonna milli tiffirma l-kuntratt biex tidher fil-Eurovision. Żgur li mhux kwistjoni ta’ flus minħabba li l-ispiża tagħha qed ikopriha Sylvan Adams.

Hu mistenni li fl-Iżrael, Madonna se tkun akkumpanjata minn delegazzjoni ta’ 135 persuna fosthom kor ta’ 40 persuna li se jkunu mmexxija mir-rapper Quavo. Hemm ukoll 25 żeffiena u bosta persuni oħra li jieħdu ħsieb il-korjografija u affarijiet oħra minn wara ‘l kwinti.

Din l-aħbar kienet sajjetta fil-bnazzi għal bosta li rħewlha lejn Tel Aviv biex ikunu jistgħu jaraw lil Madonna u issa qed jistennew bil-ħerqa l-konferma uffiċċjali minn naħa tal-organizzaturi li fil-fatt Madonna se tkun qed tkanta fil-finali tal-Eurovision ta’ nhar is-Sibt li ġej.