Eurovision: “Lanqas irrid nemmen li din il-ħolma qed issir realtà” – Michela

L-10 pajjiżi li kkwalifikaw mit-tieni semifinali. Ritratt: Andres Putting

Tertaqna qalbna sal-aħħar sakemm ħabbru li Malta kien l-għaxar pajjiż li għadda għall-finali ta’ nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju.

Il-kompetizzjoni issa tiħrax għax issa Michela s-Sibt mhux ma’ 17-il pajjiż ieħor se tkun qed tikkompetu iżda ma’ 25 pajjiż ieħor.

Wara li tħabbru l-finalisti, issejħet il-konferenza stampa fejn ġiet determinata l-ordni ta’ kif se jiġu nterpretati l-kanzunetti fil-finali tas-Sibt 18 ta’ Mejju.

“Din kienet waħda mill-ħolmiet tiegħi. Lanqas irrid nemmen li qed issir realta,” kienu fost l-ewwel kummenti tagħha mal-ġurnalisti ftit ħin wara li ngħaqdet mal-finalisti l-oħra għall-konferenza stampa li ssejħet fl-Expo Tel Aviv.

Fost il-ħafna mistoqsijiet, il-ġurnalisti semmew it-tibdil li kien hemm fir-rehearsals u issa jidher li hekk kien il-pjan sa mill-bidunett.

“Ġejna b’żewġ pjanijit. Ippruvajnihom it-tnejn u llejla tlajna b’dik li konna konvinti li kienet l-aħjar waħda,” ikkummentat Michela Pace.

Matul il-konferenza ġie determinat f’liema nofs il-finalisti se jkunu qed ikantaw is-Sibt li ġej. B’differenza mis-serata tal-Ħamis, lil Michela s-Sibt li ġej se nkunu qed narawha fl-ewwel nofs tal-kompetizzjoni.

Matul il-jum tal-Ġimgħa, Michela se tkun għaddejja b’aktar provi biex tkun preparata għas-Sibt meta terġa’ titla’ fuq il-palk tal-Eurovision għas-serata finali li fiha b’kollox se jikkompetu 26 pajjiż, iżda se jkunu l-41 pajjiż kollha li jkunu qed jivvuttaw.

Michela u t-tim tagħha waqt il-konferenza stampa tal-pajjiżi li kkwalifikaw mit-tieni semi finali