Eurovision: L-Ingilterra tkompli nieżla ‘l isfel

Ritratt: Andres Putting

Kif tħabbar ilbieraħ, l-organiżżaturi tal-Eurovision Song Contest ħabbru li kien hemm żball fil-punteġġ u għalhekk ġew riveduti l-punti.

Għal Malta dan fisser avvanz ta’ żewġ pożizzjonijiet għall-kanzunetta Maltija hekk kif il-klassifika finali turi lil Chameleon fl-14-il post flok fis-16 kif tħabbar nhar is-Sibt.

Iżda jekk għal xi pajjiżi ir-riviżjoni tal-punti swiet tajjeb, għal uħud din swiet daqqa ta’ ħarta ‘l isfel, kif fil-fatt kien il-każ tar-Renju Unit.

B’hekk dawn, għalkemm baqgħu fl-aħħar pożizzjoni, spiċċaw biss bi 11-il punt bil-kanzunetta Bigger Than Us ta’ Michael Rice.

L-ewwel erba’ pożizzjonijiet ma nbidlu xejn minn kif tħabbru s-Sibt li għadda, u fil-fatt l-Olanda, l-Italja, r-Russja u l-Iżvizzera komplew iżidu l-punti ma li kellhom, b’mod partikolari Duncan Laurence bil-kanzunetta Arcade għall-Olanda li ġab 6 punti aktar.

In-Norveġja kien pajjiż ieħor li sofra mir-riviżjoni tar-riżultat għax mill-ħames post spiċċa fis-sitt post.

Il-punteġġ tal-Eurovision, kif ġie rivedut wara l-iżball li sar nhar is-Sibt li għadda