Eurovision: Illum l-ewwel dress rehearsal ta’ Michela

Ritratt: Andres Putting

Wara li lbieraħ filgħaxija saret l-ewwel semifinali tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, illum wara nofsinhar se jibdew il-provi għat-tieni semifinali. Dan ifisser li Michela Pace se tkun qed tagħmel l-ewwel dress rehearsal tagħha tal-kanzunetta Chameleon.

Din se tkun l-ewwel minn żewġ dress rehearsals li se jsiru matul il-ġurnata, bit-tieni waħda tibda fid-9pm. Din tal-lejla hi magħrufa wkoll bħala l-Jury final għax matulha l-ġuriji mill-pajjiżi parteċipanti flimkien mal-ġuriji tal-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit se jkunu qed jivvutaw il-50% tal-voti tagħhom.

Għada l-Ħamis imbagħad ikun hemm l-aħħar dress rehearsal fil-ħin ta’ wara nofsinhar biex filgħaxija tixxandar it-tieni semifinali li għaliha t-telespettaturi jsitgħu jivvutaw għall-kanzunetti favoriti tagħhom minn fost it-18-il kanzunetta parteċipanta biex 10 minnhom jgħaddu għall-finali tas-Sibt.

Il-kap tal-ġurija għal Malta huwa Carlo Borg Bonaci filwaqt li l-membri tal-ġurija huma Arthur Caruana, Nicole Frendo, Eileen Spiteri u Matthew James Borg.

Awguri Michela!

Ritratt: Andres Putting