Eurovision: Illum jerġa’ jmiss lil Michela

Ritratt: Facebook

Illum is-Sibt l-attenzjoni ta’ ħafna Maltin, dilettanti u mhux tal-Eurovision, se tkun fuq dak li qed jiġri f’Tel Aviv, fl-Iżrael hekk kif Michela Pace, tard dalgħodu, se terġa’ titla’ fuq il-palk Eurovision għat-tieni prova tagħha għall-kanzunetta Chameleon li biha se tkun qed tirrappreżenta ‘l pajjiżna fit-tieni semi finali tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest ta’ nhar il-Ħamis 16 ta’ Mejju. B’kollox dakinhar se jkunu qed jipparteċipaw 18-il pajjiż, li minnhom 10 jridu jgħaddu għall-finali tas-Sibt 18 ta’ Mejju.

Apparti Michela għal Malta, illum ikunu qed jagħmlu wkoll il-provi tagħhom, il-Kroazja, il-Litwanja, ir-Russja, l-Albanija, in-Norveġja, l-Olanda, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Ażerbajġan.

Fuq il-palk Michela hi akkumpanjata minn erba’ żeffiena filwaqt li l-backing singer hija Destiny Chukunyere.

Michela diġa għamlet l-ewwel prova tagħha nhar it-Tlieta li għaddew u ntlaqgħet b’kliem ta’ tifħir għall-wirja tagħha.

Ritratt: Thomas Hanses

Wara l-provi tal-lum, il-pajjiżi kollha fiż-żewġ semi finali jkunu għamlu żewġ provi u b’hekk għada l-Ħadd ikun jonqos biss il-ħames pajjiżi l-kbar u l-pajjiżi ospitanti li jkun jonqsu jagħmel it-tieni prova tiegħu.

Għada l-Ħadd filgħaxija mbagħad, l-artisti u d-delegazzjonijiet tal-41 pajjiż parteċipant fil-Eurovision Song Contest, jingħaqdu flimkien għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-64 edizzjoni ta’ dan il-festival.