Eurovision 2018: Christabelle tlesti t-tieni prova

Christabelle Borg lestiet it-tieni prova ta’ Malta qabel is-semi finali tal-Ħamis li ġej.
Vokalment b’saħħitha, il-kantanta tat interpretazzjoni tal-kanzunetta li kienet soda, skont kritiċi ħafna iżjed mill-ewwel prova.
Akkumpanjata miż-żeffiena u b’viżwali li se jakkumpanjaw lill-kantanta, Borg temmet din il-prova biex issa jkollha l-mumenti fejn il-ġurnalisti jistaqsuha dwar din l-esperjenza tagħha u anke jkomplu jagħmlu promozzjoni lil Malta u lill-kanzunetta Taboo.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li tat wara mal-ġurnalisti Christabelle kompliet issaħħaħ il-pożitivita tal-messaġġ li min għaddej minn mumenti ta’ sfidi mentali għandu jfittex l-għajnuna. Saħqet li dak hu l-iskop li se tkun fuq il-palk nhar il-Ħamis li ġej. Tkellmet ukoll dwar il-passat u kif kellha tagħżel bejn il-kant u l-preżentazzjoni fuq it-televixin. Tkellmet dwar l-esperjenza li kellha ma’ kantanti bħal Gigi D’Alessio, Isle of MTV u oħrajn. Saħqet li dawn l-esperjenzi għallmuha kif tkun professjonali u tkompli timmatura bħala kantanta.
Għada issir is-serata tal-ftuħ tal-Eurovision Song Contest fejn il-kantanti kollha jintlaqgħu mis-Sindku tal-Belt Portuġiża u b’hekk jingħata bidu uffiċċjali għall-akbar festival mużikali fid-dinja segwit minn aktar minn 205 miljun ruħ.
Newsbook.com.mt u RTK jibqa’ jaġġornak bl-aħħar żviluppi sa ma joħroġ ir-riżultat.
Filmat: EBU