Eurovision 2018: Christabelle tlesti l-ewwel prova

Christabelle Borg għadha kemm temmet l-ewwel prova tagħha tal-kanzunetta Taboo fuq il-palk tal-Eurovision Song Contest f’Lisbona.
Christabelle dehret maż-żeffiena tagħha u b’filmati fuq in-naħa ta’ wara fl-isfond tal-palk anke li fih se tkompli titwassal tama lil min hu milqut mill-isfidi mentali.
Din ta’ llum kienet l-ewwel prova wara li lbieraħ Borg flimkien mad-delegazzjoni Maltija taru lejn il-belt li se tospita s-63 edizzjoni tal-Eurovision.
Issa jmiss li d-delegazzjoni Maltija tkompli tistudja kif dehret il-kanzunetta u jsiru l-aħħar preparamenti biex fil-prova li jmiss it-tliet minuti ta’ Malta jkomplu jkunu l-aħjar possibli li jolqtu l-għajn tat-telespettaturi l-Ħamis 10 ta’ Mejju.
Illum ukoll Christabelle tibda bil-laqgħat u l-intervisti tagħha mal-ġurnalisti fil-Portugall. Wara l-prova infatti bdiet twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti minn madwar l-Ewropa, l-Awstralja u l-Asja li ġew biex isegwu l-andament tal-Festival.
Newsbook.com.mt u RTK jibqgħu jaġġornawk dwar l-aħħar żviluppi mill-Eurovision b’aġġornamenti reġolari sa ma jitħabbar ir-riżultat.

Filmat u ritratt: Eurovision.tv