Euro2016: Franza b’saħħithom wisq għall-Iżlanda

UEFA Euro 2016 – QF 4
Franza 5 – Iżlanda 2

Franza ġabu fix-xejn lit-tim rivelazzjoni ta' din is-sena, l-Iżlanda, meta rebħu bl-iskor ta' 5-2.
Wieħed kien qed jistenna li l-Iżlanda jibqgħu għaddejjin bir-ritmu li waslu bih sal-Kwarti tal-Finali, iżda sabu quddiemhom l-aqwa verżjoni ta' Franza s'issa fil-UEFA Euro 2016.
Il-Franċiżi marru fil-vantaġġ permezz ta' Olivier Giroud wara 13-il minuta u rdoppjaw ftit wara permezz ta' Paul Pogba.
Fl-aħħar tliet minuti tal-ewwel taqsima, Franza tista' tgħid għalqu l-logħba b'żewġ gowls oħra, l-ewwel permezz ta' Dimitri Payet imbagħad minn Antoine Griezmann biex l-ewwel taqsima għalqet 4-0 favurihom.
Fit-tieni taqsima l-Iżlanda ħarġu aħjar u l-ewwel naqqsu d-distakk permezz ta' Kolbeinn Sigthorsson u wara li Olivier Giroud reġa' skorja għal Franza, Birkir Bjarnason għailhom 5-2 u għamel ir-riżultat daqsxejn iżjed rispettabbli għall-Iżlanda.
Franza issa jiltaqgħu kontra l-Ġermanja fis-Semi-Final tal-Ħamis.

Ritratt: UEFA.com