€930,000 kull sena mill-Gvern għal Dar Bjorn

Il-Gvern se jkun qed jiddedika €930,020 fis-sena f’servizzi varji għall-persuni li ser ikunu residenti f’Dar Bjorn.
Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis waqt l-iffirmar tal-kuntratt bejn il Gvern u l-ALS Foundation.
Sa massimu ta’ 13-il persuna li jbatu mill-amyotrophic lateral sclerosis (ALS), motor-neuron diseases (MN), multiple sclerosis (MS), u kundizzjonijiet newroloġiċi  oħra ser ikunu qed jibbenifikaw minn dawn il-fondi.
Il-ħlas ta’ din il-kura jiddependi mill-livell tal-kura li l-pazjent ikun jirrekkjedi.
Din id-dar hija waħda mit-tmien residenzi fil-komunità li huma parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta. Dan il-proġett huwa mmirat li jagħmel differenza fil-ħajja ta’ individwi differenti.
Il-kuntratt kien iffirmat f’Dar Bjorn ġewwa Ħal Qormi mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù u minn Bjorn Formosa, li waqqaf il-Malta ALS Foundation.

Ritratt: DOI