​€85 fil-ġimgħa f’ikel u xorb minn dar tipika

Dar tipika Maltija kienet tonfoq madwar €85 fil-ġimgħa biex tixtri ikel u xorb non-alkoħoliku fl-2015 skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar bejn April tal-2015 u Marzu tal-2016. Juri wkoll li fl-2015, il-djar Maltin nefqu l-aktar fl-ikel u fix-xorb non-alkoħoliku u fit-trasport.
Skont l-istħarriġ, madwar €61 kienu jintefqu kull ġimgħa għat-trasport. It-trasport jinkludi fih il-prezz tal-petrol, titjiriet, xiri ta’ vetturi, u biljetti tal-vapuri.
Fost l-affarijiet li l-inqas kienu jonfqu fuqhom hemm ix-xorb u t-tabakk (€10) u l-edukazzjoni (€12).
Skont l-istħarriġ, kull dar kienet tonfoq medja ta’ madwar €22,346 fis-sena . Din in-nefqa kienet l-inqas fis-Southern Harbour district u  f’Għawdex u Kemmuna. Djar fiż-żoni tal-Punent u tan-Nofsinhar ta’ Malta nefqu l-aktar.
Konferma tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin – Edward Scicluna
Waqt il-ftuħ tal-preżentazzjoni tal-istħarriġ, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-istħarriġ jikkonferma titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.
Il-Ministru qal li dan huwa rifless fil-modi ta’ kif varja l-basket tan-nefqa tal-familji Maltin, fejn fost oħrajn naqas il-proporzjon tal-basket tan-nefqa fuq l-ikel, u żdiedet in-nefqa fuq il-ħwejjeġ u fuq attivitajiet rikreazzjonali.