€83 miljun f’kontribut dirett lill-ekonomija mill-cruiseliners

Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, qal li studji kkummissjonati mill-Valletta Cruise Port juru li fl-2014, l-industrija tal-cruiseliners ikkontribwiet kważi €83 miljun f’infiq dirett fl-ekonomija Maltija.
Spjega li studji oħra juru li ħafna mill-passiġġieri li jkunu żaru Malta fuq cruise, jirritornaw għal btala itwal fi żmien sentejn jew tlieta, u li l-port ta’ Malta hu l-favorit fil-Mediterran ma’ dan it-tip ta’ turisti.
Edward Zammit Lewis qal dan waqt żjara lill-ħaddiema tal-Valletta Cruise Port fil-jum li fih l-NSO ħareġ ċifri li juru żieda sostanzjali fin-numru ta’ passiġġieri li żaru lil Malta fuq cruise matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru qal li anke Għawdex qed igawdi mis-suċċessi tas-settur, bl-2015 tkun l-aqwa sena għal Għawdex s’issa f’din l-industrija.
Waqt li rringrazzja lill-ħaddiema tal-Valletta Cruise Port, il-Ministru qal li l-2015 tagħti kuraġġ lill-Gvern ikompli miexi fit-triq li fassal għat-turiżmu f’Malta u li dan is-settur mistenni jilħaq suċċessi ikbar fl-2016 bil-mira tkun ta’ 700,000 passiġġier.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li fil-qrib se jibda xogħol ta’ titjib tal-mollijiet Pinto 4 u 5, imbagħad l-estensjoni tal-mollijiet lejn Xatt il-Barrieri. 
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo