Filmat: €752,000 mill-Kurja għal proġetti soċjali u għall-karità

Fl‑2016 il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat surplus ta’ €752,000 li tqassam f’sussidji lil diversi entitajiet tal‑Knisja, li jwettqu ħidma soċjali u ta’ karità.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, ippreżenta r-Rapport Finanzjarju tal-Arċidjoċesi għas-sena 2016.
€1.8 miljun aktar fi dħul
Skont ir-rapport ġiet irreġistrata żieda fid-dħul ta’ €1.8 miljun aktar mis-sena 2015. Għalkemm kien hemm tnaqqis fid-dħul mill-ġbir fil-knejjes, mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi u mill-investimenti, il-Knisja rat żieda fid-donazzjonijiet mill-benefatturi, fosthom mill-MMDNA.
Dwar dan, Pace Ross qal li permezz tas‑surplus il‑Knisja tista’ tkompli bl‑operat pastorali tagħha mat‑tfal, iż‑żgħażagħ, il‑familji, l‑anzjani, il‑persuni b’diżabilità, u dawk li huma fil‑bżonn.
€3.4 miljun aktar f’infiq
Ir-rapport juri wkoll li l-infiq żdied b’aktar minn €3.4 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Dan minħabba pagi aħjar għall-ħaddiema, impjiegi ġodda f’diversi djar tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità, u xogħlijiet ta’ manutenzjoni fost l-oħrajn. L-Arċidjoċesi ta’ Malta timpjega aktar minn 1,400 persuna.
Pannelli fotovoltajiċi fi 30 parroċċa
Michael Pace Ross spjega kif tul dawn l-aħħar snin il-Knisja f’Malta investiet ukoll f’inizjattivi li jħarsu l-ambjent. Dawn jinkludu proġetti ta’ installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi f’madwar 30 parroċċa.
Twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali
Minbarra l‑ħarsien tal‑ambjent, is‑Segretarju Amministrattiv semma wkoll ir‑responsabbiltà li għandha l‑Knisja biex tieħu ħsieb il‑patrimonju kulturali u storiku għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Għal dan il‑għan twaqqfet il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali li applikat biex tikseb fondi Ewropej għal 17‑il proġett ta’ restawr u manutenzjoni, fosthom l‑Arkivju fil‑Kurja tal‑Arċisqof.
Ir-riżultati finanzjarji ma jinkludux dawk tad-Djoċesi ta’ Għawdex u tal‑entitajiet f’Malta, immexxija mill‑Ordnijiet Reliġjużi.
Ir-rapport sħiħ jista’ jiġi aċċessat hawn.

Ritratt u Filmat: Ian Noel Pace