​€75 fil-ġimgħa għal żgħażagħ li japplikaw għal skema ta‘ xogħol fis-sajf

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet skema għaż-żgħażagħ biex dan is-Sajf ikollhom opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati u għaqdiet mhux-governattivi.
Il-Work Trial Scheme for Youths għandha l-għan li tintroduċi liż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-għoxrin sena, kif ukoll studenti fid-dinja tax-xogħol u tgħinhom ukoll fl-għażla tal-karriera tagħhom.   
Il-Ministru Justyne Caruana kompliet tgħid li l-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji, biex b’hekk jiżdiedu l-valuri kemm tal-ħidma kif ukoll tar-rispett u s-solidarjetà. 
Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti se jaqilgħu €75 fil-ġimgħa, b’total ta’ €375 f’ħames ġimgħat. 
L-iskema tibda mis-7 t’Awwissu li ġej sas-7 ta’ Settembru, u l-applikazzjonijiet jinfetħu t-Tnejn 10 ta’ Lulju sal-14 ta‘ Lulju.
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu ukoll online fuq www.mgoz.gov.mt.