€743,000 f’Jannar għall-vetturi minflok il-bendy buses

Bejn it-2 u l-31 ta’ Jannar li għadda, il-Gvern nefaq €743,400 għal vetturi li ssostitwew il-bendy buses li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni.

Il-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Joe Mizzi qal li r-rati li qed jitħallsu huma l-istess rati li kienu ġew innegozjati bejn il-kumpanija Arriva Malta Limited u l-Unscheduled Bus Service. Hu qal li dawn ir-rati qed jiġu negozjati biex ikunu iktar vantaġġjużi.