€72 miljun għal żewġ proġetti fin-Nofsinhar ta’ Malta

Żewġ proġetti b’total ta’ madwar €72 miljun se jkunu qed isaħħu l-komunitajiet bl-għan li jkun hemm titjib fl-istil tal-ħajja.
Waqt konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li l-ewwel proġett se jikkonsisti f’ċentru tas-saħħa fin-Nofsinhar ta’ Malta li se jkun qed joffri 25 servizz.
Dan hekk kif il-‘Paola Primary Health Care Southern Regional Hub’ se joffri teatru ta’ emerġenza, klinika dentali, servizz għas-saħħa mentali, klinika tad-dimensja, ambulanza, klinika għall-istil ta’ ħajja aħjar u faċilitajiet ta’ operazzjonijiet minuri.
Ian Borg saħaq li dan il-proġett se jiswa aktar minn €39 miljun li €33 miljun minnhom se jkunu ffinanzjati mill-UE.
Barra minn hekk, it-tieni proġett imħabbar huwa t-tieni fażi tal-MCAST Master Plan ġewwa Kordin, b’total ta’ €33 miljun, li €31 miljun minnhom ukoll huma fondi tal-UE.
Dan il-proġett se jinkludi l-faċilitajiet tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, Ċentru għar-Riżorsi tal-MCAST u l-Istitut tal-Informazzjoni, Komunikazzjoni u Teknoloġija.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott