€7,000 inċentiv lil min jixtri karozza bl-elettriku u jiskrappja vettura qadima

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi ħabbar li nfetħet għall-publiku l-miżura li tħabbret fil-baġit li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u li permezz tagħha min jixtri karozza li taħdem bl-elettriku u jiskrappja vettura qadima se jingħata €7,000 mill-Gvern.
Il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u karozzi hybrid żdiedu għal 612 vettura, li minnhom 163 jaħdmu bl-elettriku u 449 huma hybrid.
Il-Gvern se joffri wkoll għotja ta’ €4,000 ewro għal min jirreġistra vettura tal-elettriku għall-ewwel darba f’Malta.
Se tingħata wkoll għotja ta’ €2,000 għal min jirreġistra electric quadricyle skont il-kundizzjonijiet tal-avviż legali.
Il-Ministru Mizzi qal dan waqt żjara mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej Taljan Sandro Gozi fil-bini ta’ Transport Malta biex jara t-13-il vettura li taħdem bl-elettriku, li se tintuża minn Transport Malta kif ukoll l-infrastruttura bħala proġett iffinanzjat permezz mill-fondi Italja-Malta għall-2007-2013.
Gozi kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg, li spjega kif dan il-proġett kien wieħed minn 90 proġett ieħor li bbenefikaw minn dawn il-fondi Il-valur totali ta’ dan il-proġett kien jaqbeż il-€1.5 miljun, li 85% minnhom kienu fondi Ewropej. 
Ian Borg qal li din il-ġimgħa ġie mniedi l-programm l-ġdid ta’ kooperazzjoni bejn Malta u l-Italja għall-2014-2020.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut