“€67 miljun kontijiet pendenti fil-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-Gvern se jħallas €67 miljun f’kontijiet pendenti li tħallew fil-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ntqal li dawn il-kontijiet baqgħu pendenti mill-amministrazzjoni ta’ qabel taħt gvern Nazzjonalista.
Ġie spjegat li għal dan id-dejn li sab il-Ministeru fl-2013, il-ħlas tal-imgħax waħdu kien ta’ €1.6 miljun fis-sena.
Żied jgħid li kull skola li bena l-gvern preċedenti ma tħallsitx u se jkun dan il-gvern li jħallas għalihom.
Aktar kmieni fil-Parlament intqal li fi tmiem is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada kellha tagħti lill-banek €90,616,625.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien spjega li ċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ 50% fuq id-dejn li l-Fondazzjoni kellha f’Marzu 2013 meta d-dejn kien ta’ €59,982,650.
Fil-jiem għaddew il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kienu f’kontorversja.
Bartolo kien qed jiġi akkużat li awtorizza l-ħlas żejjed għal xogħol fl-iskola ta’ Ħal Qormi.
Dan hekk kif kien qed jiġi akkużat li kumpanija li għamlet xogħol fl-iskola tal-Ħandaq tħallset madwar miljun ewro. Dan minkejja li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada dejjem sostniet li dawn m’għandhomx jitħallsu aktar minn €540,000 , kif stipulat fil-kuntratt.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Evarist Bartolo kien fetaħ libell fil-konfront tat-Times of Malta, Beppe Fenech Adami u Ivan Camilleri.