€66,500 għal inqas tniġġiż fl-Għarb

Permezz ta’ eco-cab ġdida, il-Kunsill Lokali tal-Għarb se jkun qed joffri servizz ekoloġiku lir-residenti tal-lokalità, b’mod partikolari lil dawk bi bżonnijiet speċjali u b’mobilità limitata. Se jingħata wkoll servizz lit-turisti li jżuru l-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ.
L-Għarb għandu wkoll eco-truck ġdid, li se jieħu post lit-trakk qadim, biex il-lokalità jkollha vettura nadifa u sostenibbli, biex tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kuljum fosthom xogħol ta’ tindif u manutenzjoni.
Dawn il-vetturi huma parti mill-proġett Smart Civic Centre, li kien iffinanzjat taħt l-ewwel skema għall-proġetti Eko-Għawdex mill-Kunsilli Lokali.  Il-Ministeru għal Għawdex ikkontribwixxa s-somma ta’ €66,500 għal dan il-proġett, li jinkludi wkoll it-twaqqif ta' childcare centre li fetaħ il-bibien tiegħu fl-2013.
Preżenti għall-inawgurazzjoni taż-żewġ vetturi kien hemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, is-Sindku tal-Għarb David Apap u studenti tal-iskola Primarja tal-Għarb.
Ritratt: MGOZ – George Scerri