€65.6 miljun qligħ għall-GO fl-2017

Aktar kmieni dan ix-xahar GO plc sejħet l-għoxrin Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, li matulha t-tim maniġerjali tal-Kumpanija ta lill-azzjonisti rapport dettaljat tal-prestazzjoni tal-Kumpanija matul l-2017. Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, iċ-Chairman ta’ GO s-sur Mohamed Fadhel Kraiem, enfasizza wħud mill-kisbiet ewlenin tal-Grupp fl-2017, sena li fiha l-qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzazzjoni (EBITDA) kibru b’6.5 fil-mija għal €65.6 miljun minn €61.6 miljun fl-2016.
Is-sur Kraiem qal, “Ir-riżultati b’saħħithom ma jiġux weħidhom, trid taħdem għalihom. Dawn jinkisbu għax kemm it-tmexxija ta’ GO kif ukoll l-impjegati kollha jaħdmu tassew biex joħolqu l-istrateġija ideali, jagħmlu investimenti tajbin u jipprovu dawk il-prodotti u servizzi li l-klijenti tagħna jixtiequ u jeħtieġu”. 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO s-sur Nikhil Patil u l-Kap Finanzjarju tal-Kumpanija s-sur Reuben Zammit elenkaw il-prestazzjoni b’saħħitha ta’ GO fl-2017, li matulha l-qligħ operattiv tal-Grupp laħaq id-€29.5 miljun, żieda ta’ 12.2 fil-mija meta mqabbel mas-€26.3 miljun irreġistrati fl-2016. Dan kien sostnut minn tkabbir fid-dħul li fl-2017 kien jammonta għal €166.3 miljun meta mqabbel ma’ €157.0 miljun fl-2016.
Waqt il-laqgħa kien approvat ukoll dividend nett ta' €0.13 għal kull sehem, li tfisser żieda ta’ 18.2 fil-mija meta mqabbel mad-dividend tal-2016. Dan jammonta għal pagament nett ta’ €13.1 miljun lill-azzjonisti.