€64,000 għal żagħżugħ li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol

Żagħżugħ li kien weġġa’ fuq il-post tax-xogħol ingħata s-somma ta’ €64,000 għad-danni li ġarrab.
Is-Serb, kien qata’ xi swaba meta kien qed juża makkinarju b’xafra fi stabbiliment ta’ JDS Manufacturing Limited, lura fl-2013.
Fil-Qorti, s-Serb qal li l-kumpanija kienet responsabbli għal ġrieħi li ġarrab fl-inċident.
Il-Maġistrat Lawrence Mintoff iddeċieda favur is-Serb għax fi kliemu l-verżjoni tal-kumpanija dwar kif seħħ l-inċident ma kinitx kredibbli u kkonkluda wkoll li ma kienx hemm biżżejjed ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati.
Skont dak li nstema' fil-Qorti, il-magna li kien qed juża ż-żagħżugħ kellha aktar minn 25 sena u ma kellha l-ebda miżura tas-sigurtà li jkollu bilfors makkinarju modern.
Apparti minn hekk is-Serb ma kienx irċieva biżżejjed taħriġ biex juża l-magna.
Il-Qorti sabet lill-kumpanija ħatja li ma nfurmatx lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol bl-inċident u li kienet ordnat liż-żagħżugħ biex ineħħi l-uniformi qabel ma jittieħed l-isptar.