€60,000 fi premji għall-karrijiet tal-Karnival

Tħabbar li din is-sena se jingħataw €60,000 fi premji għall-Karnival organizzat.
Dan qalu l-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici waqt żjara li għamel lid-dilettanti tal-Karnival li jinsabu għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet fuq il-karrijiet tagħhom.
Il-premjijiet se jitqassmu fuq seba’ kategoriji.
Minbarra r-Re tal-Karnival, hemm tliet karrijiet satiriċi u 19-il karru ieħor.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil u l-kap tal-Landa crew Clint Axisa żvelaw il-karru tar-Re tal-Karnival li se jkun qed jidher waqt id-defile għada bħala parti mill-attivitajiet tal-Karnival ġewwa il-Belt Valletta. Il-karru jinkludi diversi dettalji marbutin mal-Belt Valletta fosthom il-Granmastru de la Valette, il-logo tal-Valletta 2018, is-simbolu tal-iljun, u l-monument tal-qampiena tal-gwerra li tinsab viċin il-Barrakka t’Isfel.
Il-parteċipanti tal-karrijiet ingħataw għajnuna finanzjara għall-kiri tal-inġenji, kif ukoll biex jirmunkaw il-karrijiet mill-imħażen għall-Belt u lura. Dawk li jipparteċipaw bil-maskaruni nagħtaw sussidju.
Il-karrijiet saru iktar mekkanizzati u sofistikati. Karru tal-Karnival għandu qafas tal-ħadid li wara jinkesa bil-kartapesta. Dan imbagħad jiġi miżbugħ b’kuluri jgħajtu assoċjati mal-karnival. Il-karru jiġi mżejjen bid-dawl.
Aktar tagħrif hawn.

Ritratt: DOI – Jason Borg